Tard is-Sibt filgħaxija Barcelona ġabu fix-xejn lil Sevilla u rebħulhom 5-0 fil-finali tat-Tazza tar-Re. Din kienet ir-raba’ darba konsekuttiva li l-Katalani rebħu dan l-unur u t-30 darba fl-istorja tagħhom.
Kien fl-14-il minuta li Luis SUAREZ fetaħ l-iskor u fil-31 minuta Lionel Messi rdoppja għal Barcelona.
Ħames minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima l-konfront kien diġa’ magħluq hekk kif SUAREZ skurja gowl ieħor.
Bir-reazzjoni ta’ Sevilla ma tasal qatt, Andres INIESTA żied l-iskor għall-Katalani li sat-tmiem skurjaw ieħor permezz ta’ COUTINHO.
Ir-rebħa li kisbu Barcelona fuq Sevilla fil-finali ta’ din it-tazza kienet ferm aktar faċli minn dik li kisbu sentejn ilu meta dakinhar rebħu 2-0 wara l-ħin barrani.
Din il-logħba kienet waħda speċjali għal Iniesta li kien qed jilgħab l-aħħar finali tiegħu ma’ Barcelona hekk kif hu se jmur jilgħab iċ-Ċina fl-istaġun li ġej.
Għal Sevilla din it-telfa tkompli titfa’ pressjoni fuqhom hekk kif dawn ilhom seba’ partiti bla rebħa filwaqt li Barcelona itaffu ftit id-diżappunt li sofrew ftit ġimgħat ilu wara li kienu eliminati mill-kwarti tal-finali taċ-Champions League.
Sena ilu t-tazza tar-Re li rebħu Barcelona kienet l-uniku tazza li rebħu fl-istaġun hekk kif kellhom jaraw lir-rivali Real Madrid jirbħu l-kampjonat u ċ-Champions League. Dan l-istaġun hu storja differenti għax Barcelona jinsabu ferm viċin li jirbħu l-kampjonat u fil-fatt jagħmlu dan jekk fi tmiem il-ġimgħa jirbħu kontra Deportivo La Coruna.
Jekk Barcelona jirbħu t-tazza tar-Re u l-kampjonat ikunu, f’dawn l-aħħar erba’ staġuni, rebħu tliet darbiet id-‘Double’ domestiku.
Bis-suċċess tas-Sibt li għadda, Barcelona saru wkoll it-tielet tim fl-istorja li jkun rebaħ erba’ darbiet it-tazza domestika nfila.
//= $special ?>