Edukazzjoni Lokali

Għalliema joħorġu jibku u xxukkjati wara laqgħa mal-Ministru Bartolo

"L-edukaturi preżenti baqgħu xxukkjati fil-veru sens tal-kelma tant li wħud minnhom ħarġu mil-laqgħa jibku"

Laqgħa f’Għawdex li saret mill-Ministru Evarist Bartolo u s-Segretarju Permanenti Frank Fabri għal xi edukaturi Għawdxin spiċċat bl-istess Ministru Bartolo u Frank Fabri jagħjtu ma’ dawk preżenti b’tali mod li xi edukaturi, fi tmiem il-laqgħa, ħarġu litteralment imbikkma u bid-dmugħ f’għajnejhom.

Jirriżulta li l-istess edukaturi – Kapijiet ta’ Skejjel u Assistenti Kapijiet flimkien ma’ Uffiċjali tal-Ministeru tal-Edukazzjoni – kienu xxukkjati bl-imġiba agressiva tal-Ministru Evarist Bartolo li spiss jitkellem dwar ir-rispett lejn l-għalliema iżda li f’din il-laqgħa wassal messaġġ kompletament differenti.

In-Nazzjon illum jista’ jiżvela kif din il-laqgħa saret nhar is-7 ta’ Marzu li għadda f’Għawdex u ssejħet wara l-kontroversja li kienet inqalgħet dwar il-Middle School li kienet se tilqa’ fiha l-Iskola Primarja ta’ Għawdex.

Tajjeb li jingħad li l-Middle School tinsab f’kumpless ta’ skejjel fir-Rabat, filwaqt li l-Iskola tal-Primarja attwalment tinsab fil-Vajrinġa. Il-Ministeru għal Għawdex iddeċieda, bla konsultazzjonijiet, li l-Iskola Primarja fil-Vajrinġa tkun trasferita bħala parti mill-Iskola Medja fir-Rabat. Din tinsab fil-kumpless fejn hemm ukoll is-Sixth From u l-Iskola Sekondarja.

Għalkemm mhux konsultati u għalkemm ħadd ma kellhom dwar dawn il-pjani tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-għalliema wrew il-ħsibijiet tagħhom u filwaqt li esprimew li attwalment diġà għandhom spazju limitat fil-binja fejn qed joffru s-servizzi tagħhom, bl-inklużi tal-kumpless tal-Iskola tal-Primarja allura dan l-ispazju diġà ristrett kien se jkompli jittiekel.

F’dawn il-kummenti dawn l-edukaturi, għaliex għandhom għal qalbhom il-professjoni tagħhom, tkellmu dwar ir-raġuni għaliex huma ma kenux jaqblu mal-pjani tal-Gvern bl-iskop li l-istess Gvern jerġa’ jaħsibha.
Nifhmu li kien invista ta’ xi kummenti li ngħadu minn xi edukaturi fil-media soċjal li dawn issejħu mill-Ministru u mis-Segrearju Permaneti Frank Fabri għal din il-laqgħa li saret f’Għawdex stess.

U din il-laqgħa żviluppat f’waħda ta’ vuċijiet għolja mill-istess Ministru Bartolo u anki mis-Segretarju Permanenti Fabri b’tali mod li l-edukaturi preżenti baqgħu xxukkjati fil-veru sens tal-kelma tant li wħud minnhom ħarġu mil-laqgħa jibku. Huma kienu litteralment ixxukkati bl-aġir tal-Ministru Evarist Bartolo li litteralment qabżitlu, kif ukoll bl-aġir xejn dekoruż mill-istess Frank Fabri li kienu deskritti lilna bħala li kienu agressivi fil-konfront tal-edukaturi quddiemhom u kelmuhom b’ton ta’ bullying.

Tajjeb li jingħad li sa dakinhar il-pjani tal-Gvern li jgħaqqad il-Primarja mal-Kumpless tar-Rabat kienu għadhom uffiċjalment mistura u l-edukaturi kienu semgħu biss xniegħat li għalihom irraġixxew u wrew il-fehmiet tagħhom bl-aktar mod edukat u leġittimu.
Mhux magħruf jekk dawn l-edukaturi, invista ta’ dan l-inċident serju, għamlux xi rapport formali mal-Union tagħhom tal-Għalliema (MUT).
Tajjeb li jingħad li wara din il-laqgħa mqanala l-istess edukaturi kellhom qalbhom maqtugħa dwar li din is-sitwazzjoni setgħet tinbidel. Fil-fatt huma kellhom raġun għaliex ftit jiem wara iddaħħlet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar applikazzjoni formali għall-iżvilupp fil-Kumpless tal-Iskejjel fir-Rabat, Għawdex.

L-applikazzjoni ddaħħlet mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada bl-iskop li jsir l-iżvilupp tal-kumpless tal-iskejjel fir-Rabat b’tali mod li dan ikun jinkludi wkoll lill-Primarja.
Dan kollu kien ifisser li minkejja l-feed back kollu li kellu l-Ministeru tal-Edukazzjoni, dan baqa’ għaddej bil-pjani tiegħu u ssokta jirrombla fuq ix-xewqa tal-istess edukaturi.
Tajjeb li jingħad li oriġinarjament kien hemm proposta li l-Iskola tal-Primarja ta’ Għawdex tkun trasferita f’zona miftuħa fir-Rabat ukoll, iżda dwar dan kien hemm ilmenti minn xi resdienti. Kien għalhekk li l-Gvern biddel fehemtu u qatagħha li l-Iskola Primara tkun trasferita lejn il-Kumpless ta’ Skejjel fir-Rabat Għawdex.

Dawk li tkellmu ma’ In-Nazzjon dwar dan kollu ġibdulna l-attenzjoni għall-fatt li l-Ministru Evarist Bartolo l-ħin kollu jitkellem dwar ir-rispett lejn l-għalliema u l-edukaturi iżda fil-verità jirriżulta mod ieħor għaliex spiss jirriżulta li jkun minn ta’ quddiem biex iżeblaħ ir-rispett lejn l-istess edukaturi.