Ħidma konġunta bejn voluntiera ta’ CABS, il-Pulizija f’Għawdex u uffiċjali tal-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) wassslet biex ġie żarmat 19-il sit użat għall-insib b’mod illegali.
Dawn is-siti kienu nstabu mill-CABS wara ħidma matul il-ġimgħa li għaddiet u issa għaddejja investigazzjoni fil-konfront ta’ tmien sidien wara li fil-proprjetà tagħhom instab li kien qed isir insib illegali.
L-ispezzjonijiet wasslu wkoll għall-konfiska ta’ seba’ guvi għall-gamiem, nassa għall-isturnelli, tliet xbieki kbar għall-insib tas-summien, sitt nases għall-isponsuni u żewġ clap nets. F’din il-ħidma nħelsu diversi speċi ta’ għasafar maqbuda friski, fosthom għaxar gamimiet, tmien sturnelli, żewġ summien, għasfur taż-żebbuġ kif ukoll virdun.
F’wieħed mill-każi, li seħħ f’Marsalforn, in-nassab inqabad waqt li kien qed jonsob u mistenni jitressaq quddiem il-Qorti fil-jiem li ġejjin, b’CABS li fi stqarrija faħħret il-ħidma li saret mill-Pulizija u l-WBRU tal-kooperazzjoni, iżda esprimiet diżappunt li “f’Għawdex teżisti sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ infurzar proattiv kontra l-illegalitajiet marbuta mal-insib.”
Dan hekk kif CABS tisħaq li wħud mis-siti żarmati fi tmiem il-ġimgħa, kien ilhom rappurtati minnha sa mis-sena li għaddiet iżda baqgħet ma tteħditx azzjoni qabel issa. Fl-aħħar sentejn, CABS irrappurtat iktar minn 30 każ għal total ta’ iżjed minn 500 gamiema maqbuda llegalment jew użati bħala nassa.
//= $special ?>





