Is-Soċjetà Filarmonika De Paule ta’ Raħal Ġdid spiċċat mingħajr każin wara li sentenza li nqatgħet kontra l-istess soċjetà fil-Qorti tal-Appell.
Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Anthony Ellul ordna biex is-soċjetà toħroġ mill-proprjetà li tinsab quddiem il-knisja parrokkjali ta’ Raħal Ġdid sa Settembru.
Il-kawża kienet infethet fl-1997 mill-familji li huma sidien propja.
Il-każin ilu jinkera mingħandhom mill-1945.
Net News hu nfurmat li mistennija tissejjaħ Laqgħa Ġenerali Straordinarja fejn mistennija titressaq mozzjoni biex is-Soċjeta’ tiġi sospiża. Id-data tal-laqgħa għadha trid tiġi deċiża.
Gordon Dalli, Segretarju tas-Soċjeta’, spjega li l-valur tal-post jiswa’ l-miljun u għalhekk anke li kieku l-propjetarji jiffissaw prezz, “xorta jkun għoli wisq biex jinxtara l-każin”.
B’reazzjoni għal din l-aħbar, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fuq Facebook fakkar li meta fl-2015 kien qajjem din il-problema fil-Parlament, l-Ministru qallu li jien kont negattiv. “Ejja naħdmu biex ngħinu nsibu soluzzjoni ġusta għal kulħadd. Il-flus mill-bejgħ tal-passaporti jistgħu jintużaw għal dawn il-każijiet ukoll”, qal Azzopardi.
//= $special ?>