Internazzjonali

Il-Korea t’Isfel twaqqaf ix-xandiriet ta’ propaganda

It-Tmexxija fil-Korea t’Isfel iddeċidiet biex ma tkomplix ixxandar propaganda, permezz ta’ loudspeakers, tul il-fruntiera mal-Korea ta’ Fuq komunista. Dan hu pass ieħor sinifikanti qabel isiru taħditiet inter-Koreani kruċjali aktar ‘il quddiem din il-ġimgħa.

Il-Korea t’Isfel ilha l-aħħar snin tuża network ta’ loudspeakers man-naħa tal-fruntiera tagħha biex twassal rapporti li jikkritikaw lill-Korea komunista. Il-messaġġi kienu jitwasslu fost id-daqq ta’ mużika popolari (fil-Korea t’Isfel) magħrufa bħala K-pop.

Ix-xandiriet kienu qed jinstemgħu mis-suldati tal-Korea ta’ Fuq stazzjonati tul il-fruntiera kif ukoll minn ċivili fiz-zona. Fil-fatt, ix-xandiriet ta’ propaganda mill-Korea t’Isfel ilhom għaddejjin ‘kultant żmien’ minn żmien il-Gwerra tal-Korea tas-ħamsinijiet  bl-idea li ‘jġiegħlu lill-militar tal-Korea ta’ Fuq jiddubitaw kliem il-mexxejja komunisti’.

Sadanittant, kelliema għall-Gvern f’Seoul qalu li huma tfew il-loudspeakers bil-għan li jwittu t-triq għat-taħditiet ta’ livell għoli li se jsiru nhar il-Ġimgħa mal-ogħla rappreżentanti tal-Korea ta’ Fuq, u fost tamiet li dawn iwasslu għal żblokk notevoli.

‘Qed naħsbu biex innaqqsu t-tensjoni militari bejn il-Korej waqt li nkattru klima pożittiva għas-summit’, qalu r-rappreżentanti tal-Gvern, f’Seoul. Huma qed jittamaw ukoll li l-Korej, ‘il quddiem, iwaqqfu l-kritika u l-propaganda kontra xulxin waqt li jikkontribwixxu lejn ‘bidu ġdid għar-relazzjonijiet bilaterali taħt kundizzjonjiet ta’ paċi’.

Il-Korea komunista wkoll għandha sistema ta’ loudspeakers tul iz-Zona Demilitarizzata fil-peniżola komuni, u li jwasslu messaġġi li jikkritikaw lill-Korea t’Isfel u l-alleati tagħha. Mhux magħruf jekk ir-reġim fi Pyongyang hux se jsegwi l-eżempju ta’ Seoul u jitfi l-loudspeakers tiegħu.

Il-Korea ta’ Fuq, fi tmiem il-ġimgħa, ħabbret li sospendiet il-provi nukleari minbarra li ‘għalqet’ sit fejn kienu qed isiru l-provi nukleari. Dan meta l-Koreani komunisti qed iħejju wkoll għal taħditiet mal-Istati Uniti, fil-ġimgħat li ġejjin.