Iċ-Chairman tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber bagħat ittra lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans li fiha sostna li fid-dawl tal-aħħar relevazzjonijiet tad-Daphne Project, il-poplu Malti qiegħed iħares lejn l-Unjoni Ewropea għall-gwida, u l-Unjoni Ewropea għandha tkun f’pożizzjoni li tagħti t-tweġibiet.
Filwaqt li ta deskrizzjoni ta’ dak li ġie żvelat fl-aħħar jiem, b’mod partikolari mar-rabta tal-Ministru Chris Cardona u wieħed mill-akkużati tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kif ukoll id-dettaljati tat-trasferimenti ta’ miljuni fil-kumpanija 17 Black u r-rabta ta’ din il-kumpanija mal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, Manfred Weber qal lil Frans Timmermans li s-sitwazzjoni f’Malta għandha twassal għal djalogu mal-awtoritajiet Maltin dwar is-saltna tad-dritt, kif ukoll għal azzjoni li tista’ tkun neċessarja fuq livell Ewropew li tiddefendi l-integrità tal-Unjoni Ewropea u tas-saltna tad-dritt fl-istati membri.
“Din hi sitwazzjoni straordinarja fejn rajna li l-Kummissarju tal-Pulizija maħtur politikament jirrifjuta li jinvestiga politiċi tal-Gvern dwar attivitajiet kriminali b’rabta ma’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni, u jibqa’ jirrifjuta li jinvestiga jew saħansitra jinterroga politiċi tal-Gvern b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia,” qal Manfred Weber.
//= $special ?>