Lokali Transport

Ix-xufiera mhux jibżgħu li se jinqabdu jiksru l-liġi

In-nuqqas ta’ infurzar fit-toroq Maltin ħoloq preċediment komuni li x-xufiera jiksru l-liġi mingħajr jew bi ftit biża’. Dan ħareġ minn intervista li l-President tal-għaqda mhux governattiva (NGO) ‘Doctors for Road Safety‘, it-tabib Ray Gatt kellu ma’ The Malta Independent.

Fl-intervista Gatt għamel referenza għal numru ta’ filmati li joħorġu ta’ kuljum fuq l-internet, u jsemmi speċifikament il-filmat tal-karozza li bdiet titmexxa fuq tliet roti u ‘trolley’. Huwa qal li filmat bħal dan juri kemm hawn nuqqas ta’ sigurtà u kif ukoll nuqqas ta’ rispett għar-regoli fit-toroq. Huwa qal li mhux ċajta tara vettura hekk fi triq prinċipali.

In-nuqqas ta’ ħarsien mill-pubbliku b’mod ġenerali qed “jinxtered mal-gżejjer qisu l-pesta”.

Fl-istess analiżi tas-sitwazzjoni huwa qal li ma jistax ma jħarisx lejn numru ta’ inċidenti li uħud kienu fatali u li seħħew f’perjodu riċenti fejn sostna li n-nuqqas ta’ ħarsien tar-regoli mill-pubbliku b’mod ġenerali qed “jinxtered mal-gżejjer qisu l-pesta”.

Huwa sostna li filwaqt li l-pubbliku jagħmel il-kritika tiegħu fuq dawn l-inċidenti, it-tobba jesperjenzaw ukoll trawma, b’referenza b’mod speċjali għall-inċident li seħħ ftit ġimgħat ilu fuq d-‘double decker‘.

B’ħarsa kritika it-tabib Gatt qal li f’pajjiżna qisha saret xi ħaġa normali li ssuq u tkun ftit xurban, jew ikollok anki alkoħol eċċessiv fis-sistema tal-ġisem. Dan juri biċ-ċar kemm anki dawk li jiksru l-liġi lanqas biss jibżgħu li se jinqabdu.

Huwa qal wkoll li f’Malta jidher ċar li biex xi ħadd iġib il-liċenzja, dan irid jagħmel testijiet li f’xi waqtiet ikunu tqal, u sa ċertu punt hekk titlob is-serjetà madankollu huwa saqsa x’jiġri minn din is-serjetà ftit jiem wara. Dan hekk kif qisu dak kollu li jkunu tgħallmu x-xuffiera l-ġodda ikun qisu mar mar-riħ.

Fid-dawl ta’ dan Gatt qal li hija frustranti għal dawk li dejjem pruvaw jobdu l-liġi u jaraw lin-nies oħra kontinwament jiksruha.

Intant il-Partit Nazzjonalista fl-emendi għal-liġi tal-Kunsilli Lokali qed jaħdem fuq ir-riforma għall-Gwardjani Lokali, biex fuq bażi ta’ infurzar, il-wardens iwettqu x-xogħol tagħhom kif suppost.