Internazzjonali

Jibda l-appell ta’ Karadzic dwar ir-reati tal-gwerra

L-eks Mexxej Serb tal-Bosnja, Radovan Karadzic illum fl-Olanda beda l-proċess ta’ appell rigward is-sentenza ta’ 40 sena ħabs li hu kien weħel għal ġenoċidju u reati tal-gwerra.

L-appell, imqassam fuq jumejn, qed jinstama’ minn tribunal tan-Nazzjonijiet Uniti f’The Hague u wara li t-Tribunal Kriminali għall-eks Jugoslavja (illum xolt) kien ikkundanna lil Karadzic għall-priġunerija, f’Marzu tal-2016.

Radovan Karadzic ikkritika l-verdett bħala ‘wieħed politiku’ iżda waqt li l-avukat tiegħu lmenta ‘talli l-klijent tiegħu ma għaddiex minn ġuri xieraq’, il-prosekuturi jridu jżidu s-sentenza tal-eks-Mexxej Serb-Bosnijaku bil-għan li hu jiskonta l-ħabs għal għomru.

L-eks-Kmandant tal-Armata Serba-Bosnijaka, Ratko Mladic – sieħeb u kollaboratur kbir ta’ Karadzic matul il-gwerer tas-snin disgħin fil-Balkani – kien ingħata priġunerija għal għomru, fuq akkużi simili, f’Novembru tal-2017.

Karadzic, eks-psikjatra, kien il-President tal-entità Serba-Bosnijaka – ir-Repubblika ta’ Srpska – waqt il-gwerra tal-Bosnja. Hu kien instab ħati dwar ġenoċidju, kif ukoll dwar reati u atroċitajiet oħrajn matul il-konflitt, li kienu jinkludu l-massakru ta’ eluf ta’ irġiel u subien Bosnijaċi-Musulmani fi Srebrenica, f’Lulju tal-1995.

Waqt il-massakru, is-suldati Serbi-Bosnijaċi kienu qatlu kważi 8,000 irġiel u subien f’hekk-imsejħa ‘zona ta’ sigurtà’ li kienet taħt il-protezzjoni ta’ suldati Olandiżi inkarigati b’rwol tan-Nazzjonijiet Uniti għaż-żamma tal-paċi.