Lokali

Konrad Mizzi u Keith Schembri jibqgħu ma jweġbux

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, u l-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi, jibqgħu jaħarbu milli jwieġbu l-mistoqsijiet wara li fl-aħħar jiem inkixfu li kienu qed jippjanaw li jwettqu negozju mal-kumpanija 17 Black.

Skont storja ġdida żvelata minn grupp ta’ ġurnalisti internazzjonali bħala parti mill-proġett ‘Forbidden Stories’ total ta’ €1.3 miljun kienu ġew trasferiti fil-kumpanija ’17 Black’, li s-sid tagħha s’issa għadu mhux magħruf.

Skont id-dokumenti ġodda żvelati, il-kumpanija ’17 Black’ kellha l-irwol li l-flus ta’ ġo fiha jgħaddu fil-kumpaniji sigrieti li Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu bil-moħbi fil-Panama, jiġifieri l-kumpaniji ‘Hearnville’ u ‘Tillgate’.

Jirriżulta li dawn il-wieħed punt tliet miljun ewro fil-kumpanija ’17 Black’ ta’ Dubaj waslu permezz ta’ żewġ pagamenti separati.

Fir-reazzjoni tagħhom għal dan id-dokument, Konrad Mizzi u Keith Schembri ikkontradixxew lil xulxin.

Iċ-chief of staff f’Kastilja għall-ewwel darba irrikonoxxa l-eżistenza ta’ 17Black u qal li “kienet inkluża fil-pjan tan-negozju tiegħu”.

Konrad Mizzi minn naħa tiegħu baqa’ jinsisti li l-kumpaniji fil-Panama twaqqfu għall-familja, u ma kienux marbuta ma’ 17Black.

Iżda issa li nkixfu li kienu qed jippjanaw li 17Black tkun klijent potenzjali tagħhom, la Mizzi u lanqas Schembri ma wieġbu għal mistoqsijiet mibgħuta lilhom minn The Times of Malta fejn intalbu jikxfu min hemm wara din il-kumpanija.

Id-dettalji dwar din il-kumpanija u t-trasferimenti ta flus li għaddew joħorġu minn rapport tal-Financial Intelligence Analysis Unit li tiegħu l-konsorzju ta’ ġurnalisti internazzjonali għandu kopja.

It-trasferiment tal-flus qajjem dubji anke għaliex l-investigazzjoni kienet tinkludi wkoll ftehim relatati mas-settur tal-enerġija f’pajjiżna, li fihom Konrad Mizzi kien involut.

Saret ukoll investigazzjoni dwar il-bejgħ tal-Enemalta liċ-Ċiniżi, għal prezz ta’ €320 miljun, fejn instab li wieħed min-negozjaturi, Cheng Chen, kellu jirċievi €1 miljun f’kumpanija mwaqqfa fil-British Virgin Islands mill-kumpanija Nexia BT, l-istess kumpanija li waqqfet il-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama.

L-istess Cheng Chen, grazzi għall-impjegat ta’ Nexia BT Karl Cini, fetaħ ukoll kont bankarju fil-Pilatus Bank għall-istess kumpanija.