Lokali

L-isfreġju fil-Mellieħa se jkompli jikber u jista’ jasal sa Selmun…l-Ombudsman għandu jinvestiga

– Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar sostna li l-isfreġju li qed isir bil-bini ogħli fil-by-pass tal-Mellieħa se jkompli jikber u jista’ jestendi sa Selmun.

Fil-parlament Robert Cutajar qal li l-aktar mument li fih qed isiru sfreġji ambjentali u li fih l-ambjent hu attakkat kontinwament. Hu kompla li l-gvern jitkellem b’mod dwar l-ambjent iżda jaġixxi b’mod differenti.

id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-każ tal-by-pass tal-Mellieħa u qal li ssa mill-2006 kien hemm min ipprova jispeukla art li fiha veduta uniku fuq il-Miżieb. Hu qal li kien hemm konsistenza fir-regolamenti għal tliet sulari u pent-house iżda l-ispekulaturi sabu gvern iebes sal-2006 meta pprovaw jibdlu r-regolamenti. Dak li ma sarx sal-2013 issa sar wara.

Robert Cutajar qal li kien gvern Laburista li approva l-bdil tal-policy biex illum il-bini tela’ għal tmien sulari. Qatt qabel ma kien hemm ċans li f’dik iż-żona jinbea bini ta’ 12-il sular. Bejn l-2006 u l-2012 l-art bidlet l-idejn tliet darbiet għaliex kien hemm min qata’ qalbu li se jġib il-permess neċessarju. Fl-2007 il-MEPA qalet lir-residenti li ma ngħatat l-ebda jew ħadet impenn biex l-affarijiet isiru faċli għall-applikant għaliex hemm pjan ta’ żvilupp. Il-MEPA kienet assigurat li l-pożizzjoni tar-residenti se jkunu ikkunsidrati u l-permessi ma’ ngħatawx.

Id-deputat Nazzjonalista qal li d-Direttorat qal li mhux iħares b’mod pożittiv lejn bini ogħli u li iktar propens li l-bini jibqa’ tliet sulari u pent-house biex ikunu salvagwardjati l-policies. Dan fi żmien gvern Nazzjonalista.

Fl-2012 hu bħala Sindku kien ippreżenta pożizzjoni quddiem il-MEPA li t-tnaqqis minn 12-il sular għal tmienja wkoll mhux aċċettabbli. Din kienet pożizzjoni unanima mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fosthom id-deputat Laburista tal-lum Clayton Bartolo u s-sindku preżenti. Il-PN kien konsistenti f’din il-pożizzjoni. It-tnaqqis ta’ units ukoll ma kinx aċċettabbli għaliex kien hemm dibju dwar l-ispazji. Kien sar ukoll ilment dwar il-parkeġġ.

Robert Cutajar qal li s-service road ħolqot diskriminazzjoni għaliex żoni oħra m’għandhomx din it-tip ta’ triq. Dak li ma kinx aċċettabbli fi żmien Gvern Nazzjonalista sar aċċettabbli fi żmien Gvern Laburista. Il-gvern ħalla din l-applikazzjoni tinbidel tliet darbiet. F’Awissu 2015 il-policy għal tmien sulari kienet approvata waqt li l-permessi tal-bini li hemm illum kienu approvati f’April 2016; fi żmien il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat li kien responsabbli mill-MEPA. Dawn kienu sentejn li għarrqu l-ambjent taż-żona.

Ftit metri bogħod minn dan il-bini hemm min irid jibni biex b’hekk l-isfreġju jkun ikbar. Fil-fatt il-policy tibqa’ sejra sa Selmun, sostna Robert Cutajar li appella lill-Gvern biex jieħu ħsieb il-Palazz ta’ Selmun li qed isofri ħafna ħsara.

Hu tkellem dwar il-Pont tal-Mistra u qal li sentejn ilu l-Ministru Joe Mizzi kien qal li dan ma kinx prijorità.

Fl-2006 kienet saret protesta fl-istess żona, sostna Robert Cutajar, li staqsa fejn huma ż-żewġ deputati li dak iż-żmien attendew għal dik il-protesta. Illum dawn għadhom l-obbligu li jaraw li dan l-isfreġju ambjentali jitwaqqaf. it-teħid ta’ parti mill-by-pass sar fl-2015, sostna Robert Cuatajar u staqsa jekk hux se jkun differenza bejn il-karreġġjata u l-karreġġjata għaċ-ċiklisti. Hu qal li din kienet applikazzjoni biex taġevola lill-ftit u staqsa jkek il-karreġġjata għaċ-ċiklisti hux se jkollha l-garzaziji ta’ sigurtà.

Robert Cutajar talab lill-Ombudsman għandu jinvestiga x’ġara f’din l-applikazzjoni u l-gvern għandu jinvestiga jekk sparixxewx dokumenti minn ċertu web-sites u minn uffiċini. Hu semma l-applikazzjoni f’ Ta’ Masrija u qal li l-parti dwar l-istorja hi xotta ħafna u staqsa għaliex il-gvern qed jiddejjaq jgħid li kien hu responsabbli għall-bini ogħli f’Ta’ Masrija.