Lokali Qorti

Raġel vittma tal-inċident Paqpaqli sofra diżabilita ta’ 99% – jiftakar biss isem martu

Fil-Qorti tkompli tinstema' x-xhieda tal-esperti u l-membri tal-bord organizattiv

Raġel li weġġa’ fl-inċident ta’ Paqpaqli fl-2015, sofra 99% diżabilita’ permanenti – u baqa’ jiftakar biss isem martu.

Waqt is-smiegħ quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja dwar l-inċident PaqPaqli fil-Qorti, sar magħruf l-istat tas-saħħa ta’ dan ir-raġel vittma tal-inċident. Bħalissa l-każ wasal fi stadju fejn qed tkompli l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront tat-13 membru li jiffurmaw parti mill-kumitat organizzattiv.

Illum xehed espert, in-newroloġista Malcolm Vella, fejn irrapporta lill-Qorti dwar l-istat fiżiku tal-pazjent imsemmi – fejn għamel aktar minn xahar fid-dipartiment tal-kura intensiva, qabel ma ttieħed lejn sala oħra tal-isptar f’Novembru 2015.

Dr Malcolm Vella qal li l-pazjent dam żmien twil biex jiġi f’sensih, u wara wera mġieba aggressiva u aġitata. Skont l-espert mediku, din l-imġieba hi kaġun ta’ ħsara estensiva li kkaġġunat daqqa fuq moħħ ir-raġel. Wara sentejn ta’ trattament kontinwu, il-pazjent beda jieħu lura saħħtu bilmod, iżda sar magħruf li għandu 99% ta’ ġismu f’diżabilita’ permanenti.

Ir-raġel ma jistax jitkellem u jikkomunika b’mod normali, u jiftakar biss isem il-mara tiegħu – mingħajr ma għandu l-ebda idea dwar ħin, data, u post. Aktar kmieni matul il-kumpilazzjoni tal-evidenza, il-mara tar-raġel ferut qalet li l-ħajja miżżewġa tagħhom inbidlet mill-lejl għan-nhar – hekk kif filli kellha raġel b’saħħu u kuntent, u llum spiċċa f’qiegħ ta’ sodda ġo dar tal-anzjani bit-trattament tal-kura kontinwa għaddejja fuqu.

Sar magħruf ukoll li l-Bord tal-Amministraturi tal-Community Chest Fund kellhom laqgħa maċ-Chief of Staff tal-President lejliet is-smiegħ fil-Qorti. Wieħed mill-membri tal-bord, Daniel Gera De Petri, spjega kif il-laqgħa veru ssejħet lejliet is-smiegħ, iżda enfasizza li x-xhieda fil-Qorti ma ġietx diskussa dwar dan il-każ partikolari. Minflok ġie diskuss aġġornament dwar il-kawża fil-Qorti.

Dwar dan il-fatt żvelat, l-Avukat Giannella de Marco fl-awla rrimarkat li dan hu l-Bord tal-Amministraturi tal-Malta Community Chest Fund, u mhuwiex sempliċiment kwalunkwe kumitat.

 

Il-każ mistenni jkompli jinstema’ fil-jiem li ġejjin.