It-terrorista suspettat Salah Abdeslam, li jaħsbu li ‘hu l-uniku wieħed li baqa’ ħaj’ mill-grupp tal-ISIS li wettaq il-massakru storiku tal-2015 f’Pariġi ( fi Franza), kien ikkundannat għal 20 ħabs f’dan il-pajjiż, b’konnessjoni ma’ sparatura li kienet wasslet għall-arrest tiegħu.
Abdeslam, li għandu 28 sena, u Sofien Ayari, imputat Tuneżin ta’ 24 sena, it-tnejn kienu kundannati dwar attentat ta’ qtil f’reat relatat mat-terroriżmu, waqt il-konklużjoni tal-proċess fi Brussell. Ayari wkoll ingħata 20 sena priġunerija wara li l-qorti sabet lilu u Abdeslam ħatja li sparaw fuq pulizija waqt rejd fuq appartament (fi Brussell), fl-2016.
Salah Abdeslam – ċittadin Franċiż imwieled fi Brussell lil ġenituri Franċiżi-Marokkini — qed jinżamm il-ħabs fi Franza u għandu jkun ipproċessat f’dan il-pajjiż dwar l-attakki mill-ISIS fil-qalba ta’ Pariġi. Jaħsbu li Abdeslam kellu rwol importanti fil-massakru tat-13 ta’ Novembru tal-2015, meta t-terroristi tal-ISIS kienu attakkaw sala għall-kunċerti, ristoranti u bars, fejn inqatlu 130 persuna; b’mijiet oħra jisfaw midruba.
Il-prosekuturi Franċiżi jaħsbu li Abdeslam ( li ħuħ, Salim, kien fost it-terroristi f’Pariġi u li spiċċa jtajjar lilu nnifsu bl-isplussivi) kien jikri l-karozzi u l-akkommodazzjoni għall-membri l-oħra tal-grupp tal-ISIS. Madankollu, għadu mhux ċar il-veru rwol tiegħu fl-isparaturi u l-isplużjonijiet tat-13 ta’ Novembru tal-2015.
Waqt il-proċess fi Brussell, Abdeslam kien irrifjuta li jwieġeb għad-domandi tal-imħallef u, eventwalment, irrifjuta li jattendi għas-smigħ. La Abdeslam u lanqas Ayari ma kienu fil-qorti għall-qari tal-verdett, fejn weħlu l-massimu tas-sentenzi mitluba mill-prosekuturi.
L-Imħallef Marie France Keutgen qalet li l-imputati kellhom intenzjoni ċara biex jipperikolaw il-ħajja tal-pulizija meta sparaw fuqhom waqt ir-rejd tal-15 ta’ Marzu tal-2016. Dan kien evidenti ‘mill-ammont tal-balal sparati u l-ġrieħi li ġarrbu l-pulizija’.
Il-konfront ta’ dakinar, fi Brussell, seħħ meta l-pulizija kienu qed ifittxu għal Abdeslam– bis-suspettat terrorista ta’Pariġi u Ayari jirnexxilhom jaħarbu waqt l-isparatura ( li fiha kien inqatel raġel) fl-appartament. Aktar tard, kienu nstabu l-marki tas-swaba ta’ Abeslam fl-appartament, bir-radikali jinqabad, xi jiem wara, waqt rejd tal-pulizija fiz-zona ta’ Molenbeek u fejn maż-żmien spiċċa trasferit lejn Franza.
//= $special ?>

