Internazzjonali

Aġġornata: Akkużat dwar għaxar omiċidji wara l-attakk f’Toronto

Raġel ta’ 25 sena suspettat bħala l-qattiel ta’ għaxar persuni wara li saq għal fuqhom b’vann f’Toronto, iddaħħal il-qorti f’din il-belt Kanadiża fejn tressqulu għaxar akkużi ta’ omiċidju tal-ewwel grad u 13 il-akkuża oħra dwar attentat ta’ qtil.

Is-suspettat, Alek Minassian, kien liebes jumpsuit abjad fil-qorti u ftit wera emozzjoni meta nqrawlu l-akkużi. Minassian, li se jirritorna l-qorti fl-10 ta’ Mejju, hu anki projbit minn kull kuntatt mal-vittmi li żgiċċaw mill-attakk tat-Tnejn fil-qalba ta’ Toronto li anki ħalliet 15 feruti.

Il-Pulizija Kanadiża, qabel, kienu interrogaw lil Minassian li –qabel l-inċident tat-Tnejn – kellu l-kondotta nadifa. Filwaqt li jidher li s-suspettat ‘kellu l-intenzjoni ċara li jtajjar lin-nies bil-vann’, l-investigaturi sostnew li ‘il-veru skop tiegħu ma kienx magħruf’.

Il-Prim Ministru tal-Kanada, Justin Trudeau, qal li ‘l-attakk terribbli u bla sens qanqal dispjaċir u luttu madwar il-Kanada’. Sadanittant, uffiċjal tal-korp tal-Pulizija kien imfaħħar talli, waqt l-eqqel tad-drama, ma fetaħx in-nar fuq is-suspettat li kien qed jgħajjat li ‘kien armat’ waqt li jisfida lill-pulizija ‘biex joqtluh’. Is-suspettat , maż-żmien, ċeda, u spiċċa arrestat mingħajr ħtieġa li l-pulizija jisparaw tir.

It-terrur fit-toroq ta’ Toronto beda meta l-vann tal-kiri qabeż il-bankina bejn Finch Avenue u Sheppard Avenue u baqa’ dieħel fin-nies fost il-paniku u fejn beda jtajjar persuna wara l-oħra. Il-‘vettura tal-mewt’ wara spiċċat iċċirkondata mill-pulizija bis-suspettat jispiċċa arrestat anqas min-nofs siegħa wara .

Qed jingħad li Minassian, kien residenti fis-subborg ta’ Richmond Hill, f’Toronto. L- Uffiċjali tal-Gvern sostnew, intant, li mhemmx indikazzjonijiet li hu jista’ għandu konnessjoni ma’ xi gruppi terroristiċi. Sar magħruf ukoll li Minassian, qabel, kien jattendi skola għal studenti bi bżonnijiet speċjali f’Toronto ‘u li ma kellux xi passat vjolenti’. In-nies li jafuh qalu wkoll li r-raġel ‘ma jidhirx li għandu ħafna ħbieb’.