L-inizjattiva tal-Valletta 18, li kienet issawwret minn Gvern Nazzjonalista qabel l-2013, ħadet daqqa ta’ ħarta oħra. Dan wara li l-persuna stess li mexxiet il-Kumitat li ta dan l-unur lill-Belt Valletta, qed jappella biex ikun hemm bojkott fuq il-V18.
Ulrich Fuchs għadda dawn il-kummenti lill-ġurnal The Malta Independent.
Ir-reazzjoni ta’ Fuchs waslet wara li numru ta’ artisti lokali bdew petizzjoni sabiex il-Prim Ministru jneħħi lil Jason Micallef mit-tmexxija tal-V18. L-artisti qed jinsistu li Micallef ma jirrapreżentax il-valuri ta’ Kapitali Kulturali, l-aktar minħabba l-mod kif jindirizza lill-istess artisti li jkunu kritiċi għall-V18 u l-kummenti riċenti li għadda fil-konfront tal-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia.
Ulrich Fuchs qal li l-bojkott għall-V18 hi deċiżjoni personali tiegħu, iżda appella lil sħabu li kienu taw dan ir-rikonoxximent biex jagħmlu bħalu.
“Il-bojkott qed nagħmlu għaliex in-nies li qed imexxu dan il-proġett mhux jirrapreżentaw il-valuri Ewropej”, qal Fuchs lill-Independent.
Sa din il-ġimgħa stess, Jason Micallef kien qed jiftaħar li l-V18 se tibqa’ anke wara din is-sena, u l-pjan hu li tibqa’ topera bħala entita’ governattiva.
//= $special ?>