Futbol Sport

CHAMPIONS LEAGUE: Liverpool jirbħu f’Anfield imma jsofru żewġ gowls fl-aħħar

F’partita b’żewġ uċuħ, f’Anfield, Liverpool għelbu lil Roma 5-2 fl-ewwel leg tas-semifinali.

Roma bdew tajjeb u wara 19-il minuta kienu sfortunati meta laqtu l-lasta b’xutt ta’ Kolarov li ħabat mal-mimduda imma minn hawn ‘il quddiem kienu Liverpool li ddettaw il-logħba u fit-36 minuta kien is-solitu SALAH li fetaħ l-iskor b’gowl tal-istampi.

Żewġ minuti wara r-Reds kienu sfortunati li laqtu l-lasta b’daqqa ta’ ras ta’ Lovren u eżatt qabel tmiem l-ewwel tasqima reġa’ kien is-solitu SALAH li sab ix-xibka kontra l-ekstim tiegħu, din id-darba billi qabbeż il-ballun minn fuq il-gowlkiper avversarju. Għal Salah dan kien il-11-il gowl tiegħu fiċ-Champions League u t-43 gowl matul l-istaġun.

Kollox kompla ġej tajjeb għal Liverpool li baqgħu jattakkaw u fis-56 minuta żiedu ieħor meta Salah daħal fil-kaxxa u qassam lejn Sadio MANE li mill-viċin ma żbaljax.

Erba’ minuti wara Liverpool skurjaw ieħor u reġa’ kien Salah li pprovda l-ballun lejn FIRMINO li skurja gowl simili għal dak ta’ Mane. Fis-67 minuta, minn azzjoni ta’ corner, reġa’ kien FIRMINO li skurja mill-viċin b’daqqa ta’ ras biex għaqqad doppjetta personali u għamel l-iskor 5-0.

Hekk kif kollox deher mitmum għat-Taljani dawn naqqsu d-distakk b’gowl ta’ DZEKO li mill-viċin għeleb lil Karius.

Ħames minuti mit-tmiem Roma ngħataw penalty meta Milner deher jimblokka xutt b’idu u mill-11-il metru PEROTTI skurja biex għamel l-iskor finali 5-2.

Din it-telfa li sofrew Roma tfakkar lil ħafna fit-telfa ta’ 4-1 li kienu sofrew fl-ewwel leg tal-kwarti tal-finali kontra Barcelona. Dakinhar ħadd ma kien basar li l-gowl ta’ Dzeko fil-Camp Nou kien se jkun kruċjali fit-tieni leg.

Biex jagħmluha sal-finali ta’ Kiev issa Roma bla dubju jridu jirrepetu l-wirja li kellhom fit-tieni leg kontra l-istess Barcelona meta rebħu 3-0 imma anke dan jaf ma jkunx biżżejjed.

Minn naħa tagħhom Liverpool għandhom iħossuhom diżappuntanti li hekk kif kienu fil-kontroll assolut sofrew żewġ gowls li bla dubju jimlew lit-tim Taljan bil-kuraġġ qabel it-tieni leg fl-Olimpico.