Lokali

FILMAT: Il-Kap tal-PN jiltaqa’ mal-ħaddiema tad-Dar Ċentrali

Hekk kif ġimgħa oħra pajjiżna jfakkar Jum il-Ħaddiem, komplew l-impenji tal-Kap tal-PN Adrian Delia li jiltaqa’ mal-ħaddiema.

Fost l-impenji tiegħu, ma setax jonqos li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista jżur il-ħaddiema tal-kumpanija Media.Link Communications.

Adrian Delia żar ħaddiema f’dipartimenti differenti tal-kumpanija, fosthom ġurnalisti fil-kamra tal-aħbarijiet, impjegati fid-dipartiment tas-sales, u ħaddiema tekniċi u amministrattivi.

Adrian Delia kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli u miċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Media.Link Communications Pierre Portelli.

Tul iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-ħaddiema kollha għax-xogħol li jagħmlu u faħħar l-impenn tagħhom minkejja l-isfidi. Qal li hu konvint li l-ħaddiema tad-Dar Ċentrali se jibqgħu jagħtu l-massimu tagħhom bil-għan li mil-lat kummerċjali, il-Partit Nazzjonalista jikseb aktar riżultati.

Iż-żjara lill-ħaddiema tad-Dar Ċentrali issegwi żjarat oħra li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qed jagħmel fil-lokalitajiet, bl-aħħar żjara ssir fil-belt tal-Imdina, fejn Adrian Delia ltaqa’ mhux biss ma’ nies u turisti li kienu qed iżuru l-Imdina, imma anke ma’ sidien ta’ negozji u ħaddiema ta’ ħwienet f’dan iċ-ċentru turistiku.