Lokali

FORBIDDEN STORIES: Jikkonfermaw li l-familja ta’ Aliyev għandha kont f’Pilatus

L-MFSA u t-tfal ta' Aliyev ma jikkummentawx

Wara li l-ġimgħa li għaddiet il-Forbidden Stories żvelaw kif ammonti kbar ta’ flus għaddew fil-kumpanija sigrieta 17 Black mingħand xi ħadd sigriet mill-Ażerbajġan, ilbieraħ il-media fi Franza u r-Renju Unit tat informazzjoni ġdida dwar il-kobba mħabbla li ddur madwar il-bank Pilatus, u li fiha hemm direttament involuta l-familja tad-dittatur Ażeri Aliyev.

The Guardian żvelat kif il-familja tal-President Aliyev, fl-aħħar 3 snin, użat il-bank Pilatus f’Malta biex minnu għaddiet flejjes kbar li ġejjin minn investimenti varji.

Jidher li wieħed mis-sorsi ta’ din l-informazzjoni ġie minn Dubaj.

Meta intbagħtu domandi lit-tfal ta’ Aliyev, Leyla u Arzu Aliyeva, dawn ma kkummentawx. Lanqas l-MFSA ma wieġbet id-domandi mibgħuta minn The Guardian.

F’din il-kobba mħabbla hemm involut ukoll Kamaladdin Heydarov, wieħed mill-Ministri tal-Ażerbajġan. Dan hekk kif it-tfal tiegħu għandhom strutturi kumplikati immens, b’interessi f’Malta li xtraw fabriki varji fi Franza u anke l-Lussemburgu.

The Guardian ifakkar li s-sid tal-bank Pilatus aktar kmieni din is-sena ġie miżmum mill-awtoritajiet Amerikani. Ali Sadr għadu arrestat fl-Amerika, u qed jiffaċja diversi akkużi li jistgħu jwasslu għal 125 sena ħabs.

Dan il-filmat t’hawn taħt jispjega r-rabta bejn 17 Black, Tillgate u Hearnville.