IL-KUMMISSARJU EWROPEW JOUROVÁ TGĦID LI L-LIĠI DWAR IL-WHISTELBLOWERS SE TGĦIN LILL-ĠURNALISTI MA JIBQGĦUX WEĦIDHOM
“Wieħed irid jidħol fid-dettall ta’ kif jiġu identifikati l-awtoritajiet li jimmaniġġjaw il-każijiet tal-whistleblowers. Dawk l-awtoritajiet, minbarra li jkollhom proċedura ta’ rappurtaġġ, iridu jkunu indipendenti, għaliex jekk l-awtoritajiet li jagħtu l-istatus ta’ whistleblower ikollhom interess vestit jekk għandiex tingħata l-protezzjoni jew le, il-kunċett kollu jkun għalxejn.”
L-MEP Francis Zammit Dimech għaddha dawn ir-rimarki waqt qsim tal-ideat ma’ Vĕra Jourová, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, waqt laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali. Ilbieraħ ġie żvelat li l-Kummissarju Jourová se tiġi Malta. Zammit Dimech qal lill-Kummissarju Jourová li jilqa’ din iż-żjara għaliex turi li l-Unjoni Ewropea hi tarka tad-drittijiet u l-interessi tan-nies. Hu qal li l-Parlament għamel sehmu, iżda issa jmiss lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel il-parti tagħha. F’dan ir-rigward, Zammit Dimech laqa’ l-aħbar li l-Kummissarju Ewropew se tkun f’Malta sa Ġunju li ġej, u li diġà ndikat li se tkun qed tindaqa dwar diversi temi, fost l-oħrajn se tistaqsi lill-Gvern dwar l-investigazzjonijiet b’rabta mal-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, biex il-ġustizzja tkun tista’ ssir kif qed jinsisti l-poplu Malti.
Fit-tweġiba tagħha lill-MEP Zammit Dimech, Jourová qalet: “Iva, se niġi Malta u se jkolli diversi temi, fosthom il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, it-tisħiħ tal-FIAU għaliex dan l-aħħar addottajna politika ġdida dwar l-istandards tal-aġenziji li jinvestigaw atti finanzjarji, għaliex dawn għandhom rwol importanti ħafna fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Se nistaqsi dwar miżuri konkreti li qed tieħu Malta. Se nistaqsi dwar l-Uffiċċju Ewropew ta’ Prosekutur Pubbliku. Se nistaqsi ovjament dwar fiex waslet l-investigazzjoni b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Qed ninsistu li jkollna r-riżultat tal-investigazzjonijiet li għaddejijn f’Malta, u għalhekk irrid niġi Malta u nistaqsi lin-nies responsabbli.”
Jourová żiedet tgħid “Bla dubju dan kollu hu marbut ma’ dak li qed nagħmlu dwar il-whistleblowers u l-protezzjoni tal-ġurnalisti. Id-direttiva dwar il-protezzjoni tal-whistle-blowers se tgħin lill-ġurnalisti, u se tħeġġeġ lis-sorsi biex jersqu ‘l quddiem u jinfurmaw u jgħinu lill-ġurnalisti fil-ħidma tagħhom, u b’hekk ma jħalluhomx weħidhom. Se jkun hemm nies li jikkoperaw u jien naħseb din se tkun importanti għall-ħidma tal-ġurnalisti għaliex tħeġġiġhom jgħelbu l-ħsibijiet li jista’ jkollhom.”
Zammit Dimech esprima l-apprezzament tiegħu għall-Kummissarju Ewropew għall-fatt li ħadet nota tal-appelli li saru mill-MEPs dwar miżuri aktar b’saħħithom li jiproteġu l-whistleblowers, iżda emfażizza l-bżonn li hemm bżonn li azzjoni tittieħed kemm jista’ jkun malajr. Zammit Dimech żied jgħid li l-protezzjoni tal-whistleblowers hi importanti, għaliex dawn il-persuni huma kruċjali għall-ġurnalisti investigattivi. Hu għamel referenza għall-punt magħmul mill-Kummissjoni Ewropea dwar protezzjoni li ma tkunx l-istess għall-whistelblowers. Dwar dan, hu qal “L-esperjenza f’Malta hi aktar partikolari għaliex ma hemmx konsistenza. Jekk whistleblower jitkellem dwar tema li hi fin-narrattiva tal-Gvern, jingħata l-protezzjoni u jingħata t-tenders. Minn naħa l-oħra, jekk whistleblower, bħal fil-każ ta’ Maria Efimova, qed tagħmel dikjarazzjoni u tiżvela fatti b’rabta ma’ ħasil ta’ f lus, dik il-persuna ma tingħatax protezzjoni u tispiċċa f’riskju kbir.”
Dwar id-direttiva kontra l-ħasil tal-flus, Zammit Dimech qal li meta wieħed iħares lejn l-iżvilupp ta’ din id-direttiva, faċli jara r-relevanza tagħha fil-kuntest ta’ dak żvelat riċentament, b’mod partikolari dwar il-Bank Pilatus.
//= $special ?>