Minkejja li għaddew kważi tliet ġimgħat mill-penalty kontroversjali li ngħata fit-tieni leg tal-kwarti tal-finali taċ-Champions League bejn Real Madrid u Juventus ħafna huma dawk li għadhom jitkellmu dwaru.
Fost dawn hemm anke l-President tal-UEFA Ceferin li qal li jagħder lill-gowlkiper ta’ Juventus Buffon li hekk kif ingħata l-penalty favur Real fl-aħħar minuta żbroffa f’rabja kbira fil-konfront tar-referee Michael Oliver b’dan tal-aħħar jispiċċa jkeċċih.
Wara li tilfu l-ewwel leg 3-0, Juventus skurjaw tliet gowls fi Spanja sakemm fl-aħħar minuta Real ingħataw penalty li skurjawh biex kienu huma li għaddew għas-semifinali.
“Dak li għamel kien Buffon kien wisq imma nifmhu perfettament għax dan kien l-aħħar ċans għalih biex jirbaħ iċ-Champions League. Anke jien meta nilgħab il-futbol ma’ sħabi u nitlef fl-aħħar minuta ndum biex naċċetta t-telfa. Ġimgħa ilu kont preżenti għal logħba b’risq il-karità u l-eksplejers li ħadu sehem fiha spiċċaw jargumentaw mar-referee. Kull plejer, la darba joħroġ fil-grawnd, jilgħab biex jirbaħ u hu għalhekk li nifhem u nagħder lil Buffon, “ qal Ceferin.
Dwar il-penalty nnifsu Ceferin kompla billi qal li kien wieħed diskutibbli. “Nifhem anke d-diżappunt u rabja ta’ Juventus imma kont nifhem ukoll lil Real Madrid li kieku ma ngħatax il-penalty u spiċċaw ġew eliminati fil-ħin barrani jew bl-għoti tal-penalties.”
//= $special ?>