Ikomplu ħerġin aktar aġġornamenti mill-Kanada wara li żagħżugħ li kien qed isuq vann tal-kiri qatel 10 persuni u darab 15-il persuna oħra wara li saq il-vettura għal fuq bankina f’Toronto.
Il-każ seħħ matul il-lejl li għadda ħin f’Malta, iżda lokalment dak kien ħin meta għadd ta’ persuni jkunu qed jieklu l-ikla ta’ nofsinhar. Iż-żagħżugħ kien arrestat fil-post u identifikat bħala Alek Minassian, ta’ 25 sena, minn Ontario.
Waqt l-arrest, hu sfida lill-Pulizija biex jisparawlu għax qal li għandu arma tan-nar fil-but. Madankollu, hu kien ikkontrollat mill-Pulizija u mistenni jitressaq il-Qorti għall-ħabta tal-10am ħin lokali (4pm ħin f’Malta).
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, il-Kap tal-Pulizija Kanadiża Mark Saunders qal li l-investigazzjonijiet qed juru li ż-żagħżugħ wettaq l-att intenzjonalment. Madankollu, jirriżulta li qatt ma kien magħruf mal-Pulizija u għalhekk, l-investigazzjonijiet qed jintensifikaw biex ikun stabbilit jekk hu aġixxiex waħdu.
Il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau sejjaħ dan l-attakk bħala wieħed traġiku u mingħajr raġuni, filwaqt li s-Sindku ta’ Toronto John Tory qal li dan hu ż-żmien fejn kulħadd jingħaqad ħalli r-residenti fil-belt iħossuhom sikuri.
//= $special ?>

