Lokali

Il-bank Pilatus se jagħlaq il-bibien tiegħu

Id-dokumenti ġew mgħoddija lill-Qorti fl-Istati Uniti mill-avukati ta' Ali Sadr

L-iskandlu tal-bank Pilatus jieħu xejra ġdida hekk kif illum sar magħruf li l-bank se jagħlaq kompletament. Dan mistenni jseħħ b’mod imminenti.

Dan sar magħruf permezz ta’ messaġġ fuq Twitter illi tpoġġa’ mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.

Fil-fatt, il-fergħa f’Londra diġa’ ingħalqet, u dan skont rapport ta’ The Malta Independent li jikkwota lill-MEP David Casa. F’Malta, l-uffiċji ta’ Pilatus jinsabu fil-proċess li jagħlaq, kif jikkonfermaw dokumenti uffiċjali preżentati fil-Qrati ta’ New York.

Ali Sadr, is-sid tal-bank Pilatus, bħalissa jinsab arrestat fl-Istati Uniti fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus.

L-avukati tiegħu preżentaw provi biex juru li Sadr m’għandu l-ebda interess iħalli l-Amerika. U biex isaħħu l-punt tagħhom, huma qalu li Ali Sadr m’għandux għalfejn jersaq lejn Malta għaliex Pilatus jinsab fil-proċess li jagħlaq il-bibien.