Lokali

Il-Familja Caruana Galizia tingħata d-dritt li tintervjeni f’kawża Kostituzzjonali miftuħa minn wieħed mis-suspettati

Il-Familja tal-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia ingħatat id-dritt li tintervjeni fil-kawża Kostituzzjonali li fetaħ wieħed mit-tliet irġiel suspettati bil-qtil tagħha.

Dan wara li l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, Sede Kostituzzjonali, ippreseduta mill-Imħallef Silvio Meli, laqgħet ir-rikors ippreżentat mill-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia għan-nom tal-familja.

F’Marzu, l-Avukati ta’ Alfred Degiorgio, magħruf bħala il-Fulu, fetħu kawża Kostituzzjonali fejn qed jikkontestaw il-ħatra ta’ Martin Bajada bħala espert tal-Qorti, li dan għandu jitneħħa mill-kawża li għaddejja bħalissa u r-rapporti tiegħu imneħħija mill-atti tal-kawża. Dan fuq il-bażi li Bajada kien instab ħati ta’ frodi minn Qorti f’Londra.

Dan mhux l-ewwel każ li nfetaħ f’kawżi fejn kien involut dan l-espert tal-Qorti. Fil-fatt, Martin Bajada għadu jiġi mqabbad bħala espert tal-Qorti f’diversi kawżi minkejja li fl-2016, il-Qorti tal-Appell esprimiet tħassib serju dwar kemm għandu jibqa’ jiġi mqabbad dan l-espert.

Skont il-liġi Maltija, terzi persuni, li ma jkunux iż-żewġ partijiet jistgħu jidħlu f’kawża u jistgħu jargumentaw il-każ tagħhom kemm permezz ta’ dokumenti u kif iħarrku xhieda.

L-Avukati William Cuschieri u Martha Muscat qed jidhru għal Alfred Degiorgio. Il-każ ikompli x-xahar id-dieħel.