Internazzjonali

Il-President tal-Iran iwissi lil Donald Trump

Il-President Iranjan, Hassan Rouhani, wissa lill-President Amerikan Donald Trump, biex ma jirtirax mill-ftehim nukleari storiku tal-2015 li l-Iran iffirma mal-potenzi barranin jekk ma jridx li jiffaċċja l-konsegwenzi serji. L-Iran wissa li lest jagħti spinta lill-programm nukleari tiegħu f’każ li l-ftehim ma jibqax aktar effettiv.

Fil-preżent, numru ta’ Stati firmatarji qed iżidu l-isforzi tagħhom biex isalvaw dan il-ftehim. Din qed issir b’reazzjoni għall-kummenti ta’ Trump li qal li f’każ li l-Alleati Ewropej ma jirranġawx id-difetti kbar fil-ftehim nukleari) sat-12 ta’ Mejju, hu għandu jintroduċi mill-ġdid sanzjonijiet ekonomiċi fil-konfront tal-Iran.

Il-konferma ta’ sanzjonijiet ġodda mill-Istati Uniti fuq ir-reġim Iżlamiku f’Tehran tkun tfisser daqqa ta’ ħarta kbira għall-patt nukleari storiku.

Il-potenzi l-oħrajn li ffirmaw il-ftehim – f’dan il-każ, ir-Russja, iċ-Ċina, ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja – kollha qalu li jridu jippreservaw il-patt li qed jikkontrolla l-programm nukleari tal-Iran, u li permezz tiegħu tneħħew il-parti kbira tas-sanzjonijiet preċedenti fuq Tehran.