Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qed ipoġġi l-interessi tal-Gvern qabel l-interess tas-settur tas-servizzi finanzjarji u l-interess nazzjonali fi żmien meta r-reputazzjoni ta’ Malta bħala regolatur qed titnaqqar.
Fi stqarrija iffirmata mill-Kelliem għall-Finanzi Mario de Marco u l-Kelliema għall-Ekonomija, Servizzi Finanzjarji u Innovazzjoni Kristy Debono, il-Partit Nazzjonalista sostna li t-tnaqqir tar-reputazzjoni tas-settur hu kkawżat mid-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat li jżomm lil Keith Schembri u Konrad Mizzi minkejja l-fatt li kien żvelat li kellhom strutturi finanzjarji f’Panama u New Zealand ftit wara li l-Partit Laburista rebaħ il-Gvern fl-2013. Dawn l-istess strutturi twaqqfu biex jirċievu flus mill-kumpanija 17 Black li min-naħa tagħha daħlu fiha €1.3 miljun mill-kumpannija li tħaddem it-tanker tal-LNG f’Marsaxlokk u kumpanija oħra mill-Ażerbajġan.
L-istqarrija tkompli li l-possibilita’ ta’ ħasil tal-flus kienet mqajjma wkoll f’rapport tal-FIAU. Iżda minflok aġixxew fuq il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport, l-FIAU, li tifforma parti mid-dikasteru tal-Ministru Scicluna, keċċa lil Jonathan Ferris li kien ħejja r-rapport. Il-Ministru Scicluna naqas milli jagħti risposti ċari dwar l-involviment tiegħu fit-tkeċċija ta’ Ferris ħlief meta qal li ċertu rapporti inkitbu biex jiġu leaked – ftit jiem qabel it-tkeċċija ta’ Jonathan Ferris.
L-istqarrija tkompli li f’rapport separat, Ferris kien qajjem suspetti dwar każi ta’ ħasil tal-flus mill-Bank Pilatus, li ngħata liċenzja fl-2014 meta Edward Scicluna diġa’ kien Ministru tal-Finanzi.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru Scicluna ingħata opportunita’ oħra biex jiddiżassoċja ruħu, jikkundanna l-aġir ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri u jitlob għat-tkeċċija tagħhom. Iżda minflok, Edward Scicluna għażel li jistaħba wara investigazzjonijiet li mhux se jistabilixxu responsabbilta’ politika. L-Istqarrija ttemm li l-Ministru tal-Finanzi għażel li jallinja ruħu magħhom, kontra l-interess nazzjonali.
//= $special ?>