L-artisti Maltin u Għawdxin għandhom jitħallew igawdu l-opportunitajiet li għandha tagħtihom it-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura mingħajr ma jiġu esposti għall-kontroversji li qed jinħolqu bl-aġir tal-persuni fit-tmexxija tal-Fondazzjoni Valletta 2018.
Dan hekk kif l-artisti qed iħossuhom imbarazzati bl-aġir taċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef, li kkritika artisti li għamlu użu mis-satira fil-konfront tal-politiċi. F’dan it-tħassib ingħaqdu wkoll il-PEN International u Membri tal-Parlament Ewropew li esprimew id-diżappunt tagħhom dwar l-aġir ta’ Jason Micallef.
Qal dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kultura Therese Comodini Cachia.
The Malta Independent kkwotat lil Ulrich Fuchs, li serva bħala Chairman tal-Kumitat li approva t-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura lil Belt Valletta, jgħid li mhux se jattendi għal xi attività tal-Valletta 2018, sakemm l-aġir taċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 jibqa’ jiġi tollerat mill-Gvern.
Għall-artisti, s-sena 2018 kellha tkun waħda mill-aħjar snin sabiex jesprimu l-arti kreattiva tagħhom fl-isfond tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. L-artisti kienu qed jistennew standards għoljin biex isaħħu r-reputazzjoni tagħhom fis-settur kulturali kemm lokali kif ukoll fl-Ewropa.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħti l-appoġġ sħiħ lill-artisti Maltin u Għawdxin u jistieden lill-Gvern jieħu d-deċiżjonijiet biex tiġi mħarsa r-reputazzjoni tagħhom u t-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
//= $special ?>