Ewropa Kultura Lokali

L-MEPs tal-PN jirrifjutaw stedina għal riċeviment u preżentazzjoni minn Jason Micallef

‘Mhux se nkunu parti minn din il-farsa - Jason Micallef għandu jitneħħa mill-kariga ta’ Chairman ta’ V18 b’mod immedjat’

Il-Membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech irrifjutaw stedina mir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Belġju Ray Azzopardi, għal riċeviment u preżentazzjoni miċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef. Din l-attività se ssir għada filgħaxija f’Dar Malta fi Brussell.

L-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista Jason Micallef qed jiffaċċja kritika qawwija mill-Membri tal-Parlament Ewropew, minn kittieba internazzjonali u artisti lokali għall-mod kif qed iżeblah lill-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia, kif ukoll għall-mod kif qed jitratta l-komunità artistika.

Il-ġimgħa li għaddiet, PEN International bagħtet ittra, li kienet appoġġjata minn 250 kittieb internazzjonali, li fiha esprimiet ir-rabja għall-aġir ta’ Jason Micallef. Ftit tal-jiem wara, 72 MEP minn diversi gruppi politiċi bagħtu ittra lill-Kummissjoni Ewropea, jitolbu għat-tneħħija immedjata ta’ Jason Micallef minn Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018. F’Malta, din il-kwistjoni wasslet biex tiġi ċċirkulata petizzjoni fost l-artisti Maltin li titlob lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici biex ikeċċu lil Jason Micallef b’mod immedjat.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa qal: “Jason Micallef mhux denju għall-kariga. U dan mhux biss minħabba l-aġir gravi tiegħu fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha. L-attitudni tiegħu lejn l-artisti involuti f’Valletta 2018 ukoll hi kundannabbli. Jekk jibqa’ fil-kariga tat-tmexxija ta’ Valletta 2018, l-istess fondazzjoni tkun f’periklu. L-aġir riċenti u vulgari tad-Direttur Artistiku b’rabta ma’ tfajla Maltija li kienet qed tiprotesta wkoll hu wieħed kundannabbli. Dawn l-affarijiet huma għal kollox bil-kontra tal-iskop tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Mhux se nkunu parti minnha.”

L-MEP Roberta Metsola qalet: “Il-livell ta’ intolleranza u l-firda politika li għandu ċ-Chairman ta’ Valletta 2018 ikkonfermaw li mhux denju li jmexxi din l-attività nazzjonali. Valletta 2018 kellha tkun mument li jgħaqqad il-pajjiż u mument ta’ ċelebrazzjoni dwar il-kultura u l-valuri tagħna. Minflok, iċ-Chairman ta’ Valletta 2018 dawwarha f’pjattaforma oħra għalih innifsu, għall-politika ta’ mibgħeda u firda li jħaddan. Hu ma jimpurtahx dwar kif l-attitudni tiegħu qed tħalli impatt negattiv fuq il-kumplament tal-pajjiż jew fuq l-artisti li jridu jużaw din l-okkażjoni biex jipromwovu xogħlhom u t-talent Malti tagħhom. L-aġir tiegħu hu kundannabbli.”

L-MEP Francis Zammit Dimech qal: “Mhux se nkunu parti minn din il-farsa li fiha Jason Micallef mhux biss mhux qed ikun ikkundannat għall-kummenti gravi tiegħu, iżda qed jiġi kkonfermat fil-kariga. Li tmexxi l-kumitat organizzattiv tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura hu rwol importanti li jirrikjedi persuna li tgħaqqad u mhux xi ħadd li hu diviżiv u li l-attitudni tiegħu mhux biss twaqqa’ lilu nnifsu, iżda anke Valletta 2018. F’dan id-dawl, aħna qed nirrifjutaw l-istedina għall-attività ta’ għada, u ninsistu għat-tneħħija immedjata ta’ Jason Micallef minn Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018.”