Talanqas 18 il-persuna tilfu ħajjithom b’konsegwenza ta’ nirien li qabdu ġo karaoke bar fil-belt ta’ Yingde, lejn in-nofsinar taċ-Ċina; bl-awtoritajiet jikkonfermaw ukoll li kien hemm diversi nies midruba.
In-nirien qabdu kmieni dalgħodu, bil-pulizija. ‘il quddiem, tarresta raġel ta’ 32 sena fuq suspett li kien ta n-nar lill-istabbiliment ‘għal skop speċifiku’.
Ir-rapporti qalu wkoll li r-raġel – li kien arrestat fi kwistjoni ta’ sigħat — uża mutur biex jimblokka l-uniku aċċess tal-karaoke bar minfejn setgħu joħorġu n-nies ‘u qabel qabbad in-nar li ma damx biex jaħkem lill-istabbiliment’.
Il-Pulizija qalu li r-raġel arrestat spiċċa jsofri diversi ħruq b’riżultat tan-nirien li kienu kontrollati b’diffikultà kbira.
Waħda mill-ewwel azzjonijiet tal-awtoritajiet kienet li joffru premju ekwivalenti għal aktar minn 25,000 ewro lil kulmin seta’ jipprovdi informazzjoni li setgħet twassal għall-arrest tal-persuna responsabbli minn din it-traġedja.
Filwaqt li l-awtoritajiet ma qalux x’wassal biex ir-raġel jieħu din l-azzjoni, xi sorsi ġurnalistiċi sostnew li hu kien iddeċieda ‘li jpattiha lil ċerti persuni fil-karaoke bar wara li kellu argument magħhom’.
Fiċ-Ċina jinqalgħu ta’ spiss in-nirien qattiela fl-istabbilimenti u li, fil-parti kbira, ikunu dovuti għal negliġenza.
//= $special ?>


