Lokali

Telefonati anonimi lil studenti tal-Università

L-Università ta' Malta

Bosta studenti tal-Università ta’ Malta jinsabu rrabbjati minħabba l-fatt li fl-aħħar sigħat kienu qed jirċievu telefonati anonimi. L-għan ta’ dawn it-telefonati kien li l-istudenti jipparteċipaw fi stħarriġ b’mistoqsijiet relatati direttament mal-elezzjonijiet tal-KSU b’mod partikolari dwar il-proġett ‘Parking Optimisation’ tal-għaqda studenteska Pulse, u lil min se jkunu qed jivvutaw il-Ħamis li ġej.

Fi stqarrija, l-SDM sostniet li qed tirċievi għadd ta’ lmenti dwar dan peress li l-informazzjoni personali tal-istudenti għaddiet għand terzi persuni mingħajr il-kunsens tagħhom. Meta l-istudenti staqsew lil min ċemplilhom biex jgħidulhom min qed imexxi dan l-istħarriġ anonimu u kif ġabu l-informazzjoni personali tagħhom, inqatgħat il-linja.

L-SDM temmet l-istqarrija billi titlob lill-Kummissjoni Elettorali sabiex tieħu azzjoni dwar dan mill-iktar fis possibli. L-SDM tappella ukoll biex dawk l-istudenti li jixtiequ jgħaddu xi dettalji b’mod kunfidenzjali u anonimu dwar dan, jistgħu jagħmlu dan fuq info@sdm.org.mt.

L-SDM tgħid ukoll li hi m’għandhiex x’taqsam ma’ dan l-istħarriġ anonimu u tikkundanna dawn l-azzjonijiet qarrieqa.