Internazzjonali

Xokk fil-Messiku…Jiddisponu minn studenti maqtula fl-aċtu

L-awtoritajiet f’Jalisco żvelaw li tliet studenti spiċċaw maqtula f’dan l-Istat Messikan matul ix-xahar li għadda, bil-katavri tagħhom jintefgħu fil-vaski tal-aċtu. Dan wara li l-membri ta’ grupp kriminali kienu ‘ħawwdu’ lill-vittmi ma’ kriminali oħra rivali.

It-tliet studenti, kollha Messikani, kienu dehru l-aħħar fil-muniċipalità ta’ Tonala wara li l-karozza li kienu qed jivvjaġġaw biha żviluppat il-problemi. Huma, imbagħad, kienu nħatfu ‘minn talanqas sitt persuni li,  skont il-prosekuturi f’Jalisco, ‘spiċċaw jittorturaw lill-istudenti qabel qatluhom’.

Il-prosekuturi konkludew li ‘il-katavri, ‘il quddiem, kienu mgħarrqin fl-aċtu fejn inħallu, bil-għan li ma jibqgħu l-ebda traċċi’. Il-Prosekutur tal-Istat ta’ Jalisco, Raul Sanchez, fl-istess ħin, ikkonferma li żewġ persuni spiċċaw arrestati dwar dan il-każ, bl-investigazzjonijiet qed ikomplu.

Qed jidher li l-vittmi kienu ‘identifikati bħala kriminali rivali’ mill-membri armati tal-Jalisco New Generation Cartel (CJNG) li sar l-akbar entità kriminal b’saħħtu fil-Messiku.

Sadanittant, rapporti oħra sostnew li l-investigaturi qed janalizzaw ukoll ‘aktar fdalijiet ta’ bnedmin’ fil-bini fejn l-istudenti messhom dan id-destin kiefer.

Il-gruppi kriminali, fil-parti kbira traffikanti tad-droga, fil-Messiku, kemm il-darba jaħtfu lin-nies u jittorturawhom qabel ibiċċruhom. Mhix l-ewwel darba li l-qattiela użaw l-aċtu biex jiddisponu mill-vittmi, minbarra li jidfnu l-fdalijiet tal-mejtin ġo oqbra sigrieti.

Is-sena l-oħra, ‘inqatlu ‘il fuq minn 25,000 persuna fil-Messiku, bir-rati tal-omiċidji f’dan il-pajjiż jinsabu ‘fl-ogħla livell’ għal dawn l-aħħar 20 sena.