Lokali Saħħa

Appell biex il-Kummissarju tat-Tfal tkun leali

Hu skorrett dak li qalet Pauline Miceli dwar l-emendi fil-Liġi għall-Protezzjoni tal-Embrijuni

Il-Kummissarju għat-Tfal, li skont il-liġi tagħna għandha d-dmir li tħares l-aħjar interessi tat-tfal kollha – kemm dawk imwielda kif ukoll dawk għadhom mhux imwielda – għażlet li tabdika d-dmirijiet tagħha u taqbel ma’ Abbozz ta’ liġi li jneħħi l-aħjar interess tat-tfal miċ-ċentru tal-Att dwar il-Protezzjoni talEmbrijuni.

Hekk intqal fi stqarrija maħruġa mill-Fondazzjoni Life Network, li tinsab ferm inkwetata bil-pożizzjoni tal-Kummissarju għat-Tfal dwar l-Abbozz li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.

Il-Fondazzjoni Life Network saqsiet lil min kellha f’moħħha l-Kummissarju għat-Tfal meta stqarret li filfehma tagħha, l-Abbozz jagħmel il-proċess tal-fertilizzazzjoni in vitro iktar ekwu u wieħed li jevita tbatija bla bżonn.

Il-Fondazzjoni Life Network innotat li l-emendi proposti ċertament ma joħolqux sitwazzjoni iktar ekwa għat-trabi, li bl-iffriżar ikunu mċaħħda mid-dritt għall-ħajja u esposti għal riskju li jmutu fil-friża. “Huwa għalhekk skorrett għall-aħħar dak li ntqal mill-Kummissarju, jiġifieri li l-emendi proposti jipprovdu għal aktar suċċess. Fil-fatt, m’hemm ebda suċċess meta l-ħajja umana tkun ipperikolata”.

F’Ottubru 2015, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal kien ħareġ position paper dwar l-iffriżar tal-embrijuni, id-donazzjoni tal-gameti u s-surrogacy.

Il-konklużjonijiet ta’ dan id-dokument kienu l-kuntrarju għall-istqarrija tal-Kummissarju jumejn ilu. “Wieħed jistaqsi x’seta’ nbidel biex il-Kummissarju tal-lum tikkunsidra dawn il-proposti bħala tajbin?”

L-istqarrija tgħid li d-dmir tal-Kummissarju għat-Tfal huwa li tara li d-drittijiet tat-tfal ikunu mħarsa mill-konċepiment ‘il quddiem. Dan huwa stipulat fil-liġi li tistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal stess.

“L-Appell tagħna lill-Kummissarju huwa li tkun lejali għal dan l-istess uffiċċju”.