Il-President Coleiro Preca tinsab imħassba dwar id-dibattitu li qed isir bħalissa fil-Parlament u barra l-Parlament rigward l-emendi għal-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijuni.
Fi stqarrija, il-President ta’ Malta appellat għal konsultazzjoni fuq dan is-suġġett sensittiv, u qed toffri li tmexxi l-medjazzjoni.
“Il-President qed tappella għall-kalma u għall-perjodu itwal ta’ riflessjoni sabiex il-vuċijiet kollha jinstemgħu”.
Hi stiednet lill-Parlamentari, is-soċjetà ċivili, u l-istakeholders kollha biex jiġu flimkien madwar il-mejda biex ikollhom dibattitu infurmat li jgħaqqad flimkien il-konsiderazzjonijiet etiċi u morali mal-għarfien xjentifiku, għal liġi li tkun tirrifletti b’mod sħiħ il-potenzjal mediku u l-implikazzjonijiet pozittivi u negattivi għas-soċjetà.
Dan it-tħassib tal-President ta’ Malta jingħaqad mal-mewġa ta’ kritika li kien hemm fl-aħħar jiem indirizzata lejn il-Gvern, u l-mod mgħaġġel li bih qed jipprova jdaħħal dawn l-emendi li jintroduċu s-surrogacy u l-iffriżar tal-embrijuni.
Stqarrija mal-Life Network Foundation
Il-Fondazzjoni Life Netwotk Foundation tirringrazzja lill-Eċċelenza tagħha, l-President Marie-Louise Coleiro Preca tal-intervent tagħha fid-diskussjoni dwar l-Emendi proposti ghal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun.
Il-Fondazzjoni taqbel li kif qalet il-President, ikun hawn “perjodu itwal ta’ riflessjoni sabiex jinstemgħu l-vuċijiet dwar l-emendi li qed jipproponi l-Gvern ” Kif kompliet il-President,“It-trattament tal-IVF hu suġġett delikat li jeħtieġ li jkun diskuss f’ambjent seren, u li jibbilanċja l-qsim il-qalb li jaffaċċjaw koppji bla tfal, ma’ kwistjonijiet etiċi sensittivi li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet tal-embrijuni.”
Il-Fondazzjoni sostniet li hemm bżonn li naghtu każ id-drittijiet tat-tfal li jitwieldu minn dawn il-proċeduri . Ma jagħmilx sens li nagħmlu oġġetti minn uliedna.
Il-Fondazzjoni qed tistieden lil partijiet interessati li ghandhom ghal-qalbhom il-ġid tas-soċjeta Maltija li jilqghu it-talba tal-President ta Malta ghal medjazzjoni. Madwar il-mejda jeħtieġ li jkun hemm dibattitu bilanċjat u fattwali u li jkun hemm minn jirrapreżenta l-partijiet kollha. Min ghandu nteress pekunarju ma jistax jaghti kontribut bilanċjat.
//= $special ?>