“Aħna l-artisti, atturi, awturi, u professjonisti fil-qasam tal-arti qed niktbulek biex inleħħnu t-tħassib tagħna għall-wirt li se tħalli warajha Valletta 2018 bħala Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura qiegħed jiġi mhedded serjament minħabba l-imġieba tas-Sur Jason Micallef”.
Hekk indirizzaw fl-ewwel rimarki tagħhom aktar minn 100 artist professjonali li ffirmaw petizzjoni li biha qegħdin isejħu għat-tneħħija taċ-Chairman tal-Valletta 2018 Jason Micallef.
Il-petizzjoni hi indirizzata direttament lill-Prim Ministru Joseph Muscat, flimkien mal-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista – jitolbuhom biex ineħħu lil Jason Micallef mill-kariga li qed jokkupa minħabba l-ħsara li qiegħed jagħmel f’dan l-avveniment tant speċjali għall-pajjiżna.
L-ittra tal-petizzjoni, tinkludi numru ta’ artisti magħrufa ġejjin minn kull qasam aritsitku; dawk tal-palk, kitba, arti mużikali, arti viżiva, fost l-oħrajn.
Flimkien ma’ din il-lista li tinkludi l-isem ta’ 134 artist professjonali, hemm ukoll 24 artist ieħor li ffirma din il-petizzjoni iżda preferew li l-identita’ tagħhom tibqa’ mistura hekk kif skont artiklu ppubblikat minn The Malta Independent, dawn jibżgħu jitkellmu pubblikament hekk kif huma stess involuti fil-proġetti kulturali b’uħud minnhom fl-organizazzjoni tal-V18 stess.
Fl-ittra tal-petizzjoni, l-artisti spjegaw kif huma ma jistgħux jaċċettaw il-kummenti derogatorji pubbliċi u kontinwi ta’ Jason Micallef dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fl-appell dirett tagħhom lill-Prim Ministru Joseph Muscat, l-artisti saħqu li kien hu li appunta lil Jason Micallef biex jirrappreżenta proġett Ewropew – u li dan naqas sew minn dmirijietu, hekk kif Chairman tal-Belt Kapitali tal-Kultura Ewropea ma jistax ikollu attitudni partiġġjana u mġieba intenzjonalment diviżiva.
Dan filwaqt li fakkru d-diversi drabi li Jason Micallef pubblikament prova jwaqqa’ għaċ-ċajt u jattakka pubblikament lill-artisti li kkritikaw u ssatirizzaw dawk fil-poter. “L-irwol tiegħu ta’ Chairman għandu jkun li jħares dan id-dritt, mhux li jheddu”, tennew l-artisti.
Fl-aħħar tat-talba għar-riżenja tiegħu, l-artisti appellaw li l-imġiba irresponsabbli u tal-mistħija ta’ Jason Micallef qed tagħmel ħsara li mhux ser tkun tista’ tissewwa lir-reputazzjoni, il-programm u t-tmexxija ta’ Valletta 2018.
Aqra l-ittra tal-petizzjoni bil-firem tal-artisti:
//= $special ?>