Lokali

Birdlife takkuża uffiċjal tal-FKNK b’kaċċa illegali… l-FKNK tiċħad

BirdLife Malta fi stqarrija qalet li għandha fil-pussess tagħha filmat esklussiv li juri wieħed mill-uffiċjali tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) jikser il-liġi sfaċċatament tul l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ta’ din is-sena, ftit jiem qabel ma dan għalaq nhar is-Sibt.

Tul l-istaġun, b’mod partikolari fl-aħħar ftit jiem meta l-passa tal-Gamiem bdiet tilħaq il-qofol tagħha, BirdLife Malta rrappurtat li kien għaddej qtil rampanti tal-Gamiem minkejja li l-kaċċa għal dan l-għasfur protett ma kinitx permessa f’din ir-rebbiegħa, u l-istaġun suppost li kien miftuħ biss għas-Summien.

Birdlife qalet li f’idejha għandna sigħat twal ta’ filmati li juru l-kaċċa illegali li twettqet fuq din l-ispeċi vulnerabbli u red-listed tul it-tieni parti tal-istaġun, anke minħabba li sfortunatament il-Gvern ma ħax il-pariri li ngħata u fetaħ apposta staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa li ħabat mal-eqqel tal-passa tal-Gamiema

Birdlife qalet li b’rabta mal-vittmi tal-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa ta’ din is-sena, minn meta għalaq l-istaġun nhar is-Sibt BirdLife Malta u l-pulizija komplew jirċievu aktar għasafar protetti mejtin u milqutin li kollha ġew ikkonfermati mill-veterinarju li spiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali minkejja li l-istaġun issa huwa magħluq. Wara t-18-il għasfur li nġabru tul l-istaġun bejn l-1 u l-21 ta’ April, flaħħar jiem daħlu erba’ għasafar oħra protetti feruti jew mejta fosthom żewġ Gamimiet oħra, bit-total issa jammonta għal 22. Din hija żieda ta’ sebgħa għasafar protetti meta mqabbel man-numri tal-2017.

Reazzjoni mill-FKNK

B’reazzjoni l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) iddikjarat li l-allegazzjonijiet tal-Birdlife Malta li Uffiċċjal tagħha qabad gamiema hija nfondata. L-FKNK għal darb’oħra ssostni l-pożizzjoni tagħha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ atti llegali. Kwalunkwe membru li jista’ jitressaq u jinstab ħati mill-Qrati tagħna ta’ llegalita, l-FKNK tieħu l-passi meħtieġa minnufih kif dejjem għamlet.