Il-każ ta’ Malta jitqajjem mill-Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri u l-Forum Globali għall-Iżvilupp tal-Media waqt laqgħa tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem qabel il-Jum Dinji għal-Libertà tal-Media
Fi żmien inqas minn ġimgħa, l-Prim Ministru, żewġ Ministri u l-Kap tal-Kommunikazzjoni tal-Prim Ministru attakkaw ġurnalisti b’xi mod jew ieħor. Uffiċjali tal-Gvern maħtura mill-Gvern ukoll komplew jinsulentaw lil Daphne Caruana Galizia. Il-fatt li Malta waqgħet 18-il post fl-Indiċi Dinji għal-Libertà tal-Media mhuwiex sorpriża, meta jkollok uffiċjali għolja tal-Gvern li jxerrdu l-mibgħeda u l-intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti.
L-MEP Francis Zammit Dimech għadda dawn ir-rimarki waqt li kien qed jitkellem waqt qsim tal-ideat fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għal-Libertà tal-Media (li se tiġi ċċelebrata fit-3 ta’ Mejju), flimkien ma’ Julie Majerczak, mill-Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri, u Anne Marie Hammer, Policy Manager tal-Forum Dinji għall-Iżvilupp tal-Media, waqt laqgħa tal-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Parlament Ewropew fi Brussell.
Zammit Dimech qal li r-riżultati ppubblikati juru li filwaqt li l-Gvern jiftaħar li għamel riforma fil-liġi tal-media biex isaħħaħ il-libertà tal-media (filwaqt li fl-istess ħin baqa’ ma aċċettax emenda tal-Oppożizzjoni biex tiproteġi lill-ġurnalisti kontra l-iSLAPP), l-istess azzjonijiet tal-Gvern jikkontradixxu din il-propoganda.
Waqt li kien qed tagħmel l-intervent tagħha, Julie Majerczak, mill-Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri, qalet li matul l-aħħar sena, Malta kienet waħda mill-pajjiżi problematiċi f’dak li għandu x’jaqsam mal-libertà tal-media, b’mod partikolari wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Anne Marie Hammer, mill-Forum Dinji għall-Iżvilupp tal-Media qalet “Meta gvernijiet joħolqu ambjent negattiv għall-media ħielsa u indipendenti, bażikament ikunu qed joħolqu mentalità fejn nies jispiċċaw jattakkaw persuna għal xejn b’xejn. Estremisti u anke membri tal-pubbliku jibdew jaħsbu li hu leġittimu li tattakka ġurnalisti. F’demokrazija, għandek dejjem tittollera l-ilħna differenti. Sfortunatament, li ġurnalisti jinqatlu mhux fenomenu ġdid.”
//= $special ?>