Lokali

“Għandna nindirizzaw l-isfidi li jaffaċċjaw setturi fejn hemm kompetizzjoni internazzjonali ħarxa” – Adrian Delia

Pajjiżna jrid jara li jibqa’ kompetittiv għal kumpaniji f’setturi fejn il-kompetizzjoni internazzjonali hi waħda qawwija ħafna.

Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’waħda minn sensiela ta’ żjarat li qed jagħmel mal-ħaddiema, bi preparazzjoni għal Jum il-Ħaddiem.

Fiż-żjara tal-Erbgħa, Adrian Delia ltaqa’ mal-management u l-impjegati ta’ video slots li twaqqfet f’pajjiżna fl-2011 u llum kibret tant li saret waħda mill-kumpaniji ewlenin fis-settur tal-online gaming.

Illum-il ġurnata nofs l-impjegati ta’ Video Slots huma Maltin, b’rappreżentanza tajba ta’ impjegati nisa anke f’pożizzjonijiet għolja, tant li l-ewwel impjegata saħansitra tkun tfajla Maltija.

Iżda anke kumpaniji bħal dawn qed isibu diffikultajiet, bħall-ogħli tal-ħajja f’pajjiżna.

Dan kien ikkonfermat ukoll mill-uffiċjali tal-kumpanija stess, li semmew l-ispejjeż li jidħlu fihom biex iġibu ħaddiema barranin lejn Malta.

Sfida oħra li dan is-settur qed jaffaċċja hi li ż-żmien medju li ħaddiema jdumu mal-istess kumpanija f’dan is-settur qed jonqos. Dan iġib miegħu spejjeż ta’ taħriġ għall-impjegati ġodda fost oħrajn.