L-Erbgħa, fiċ-ċimiterju militari f’Tal-Pietà, numru ta’ dinjitarji urew ir-rispett tagħhom lejn il-għexieren ta’ eluf ta’ nies tas-servizz li tilfu ħajjithom fil-gwerer u l-kunflitti, b’mod speċjali fil-ġlieda ta’ Gallipoli, fl-Ewwel Gwerra Dinjija.
Dan il-jum hu magħruf bħala Anzac Day, bl-isem hu l-inizzjali għall-Australian and New Zealand Army Corps, jiġifieri s-suldati ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi li ntbagħtu f’Gallipoli fil-25 t’April tal-1915 bl-iskop li jieħdu lura l-kontroll ta’ Kostantinopli mill-Imperu Ottoman, l-alleati tal-Ġermaniżi.
Fost il-vittmi tal-gwerra, 8,709 kienu Awstraljani, b’2,721 oħra ġejjin minn New Zealand tant li llum dawn iż-żewġ pajjiżi jikkommemoraw dan il-jum bħala jum nazzjonali ta’ tifkira.
Għal pajjiżna wkoll dan hu jum importanti, hekk kif diversi suldati kienu nġiebu f’pajjiżna għall-kura fl-isptar militari tal-Imtarfa u wħud minnhom tilfu ħajjithom hawn.
Fost dawk li attendew għaċ-ċerimonja ta’ tifkira f’Tal-Pietà, kien hemm ukoll il-Maġġur Henry Gatt, li llum għandu 96 sena, u li hu iben il-Brigadier Alfred Gatt li kellu parti f’din il-gwerra tant li ngħata unur għas-servizz tiegħu.
Fost l-ogħla dinjitarji f’isem il-Partit Nazzjonalista attenda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li poġġa kuruna ta’ fjuri mal-monument li jfakkar lil dawn il-vittmi.