Edukazzjoni Lokali

ISMA’: It-telefonata li twaqqa’ l-artiklu tal-media Laburista

L-indħil tal-media Laburista fl-elezzjoni tal-KSU, b'artikli mimlija ineżattezzi

Wara li artiklu ppubblikat minn One News, bl-iskop li jinfluwenza l-elezzjoni tal-istudenti Universitarji li se ssir għada, numru ta’ studenti għamlu kuntatt ma’ NET News fejn esprimew ruħhom urtati għaliex jemmnu li l-partiġġjaniżmu m’għandux jidħol f’din l-elezzjoni studenteska.

Għada, eluf ta’ studenti Univeristarji se jkollhom id-dritt għal vot biex jeliġġu l-eżekuttiv tal-Kunsill Studenti Universitarji li għalih qed jikkontestaw l-għaqdiet studenteski SDM, Pulse u kandidat indipendenti.

Filfatt, l-artiklu tal-media Laburista fih numru kbir ta’ ineżattezzi bi skop li jinfluwenza r-riżultat ta’ għada – fosthom ġie allegat li saru telefonati mid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista biex jappoġġjaw lil SDM. L-artiklu qal ukoll li hemm recording ta’ telefonata ta’ dan it-tip.

Huma jagħmlu referenza għall-kumpanija bl-isem ta’ ‘Eurostar’, mentri fir-recording ippubblikat issir referenza għal ‘Survey For You’, filwaqt li l-istudent instema’ imħassab bil-mod minfejn ġabu d-dettalji dwaru – il-fatt li hu student Universitarju u n-numru tal-mobile tiegħu.

Madanakollu, NET News qed jippubblika t-telefonata msemmija, u li tgiddeb kompletament l-artiklu qarrieqi ta’ One News. Għalhekk, din it-telefonata turi kif dak kollu allegat, bl-indħil ta’ telefonati mid-Dar Ċentrali, fil-verita’ mhumiex minnhom.

L-istess studenti Universitarji li tkellmu ma’ NET News qalu li jinsabu urtati għal mod kif il-media tal-Partit Laburista qed tipprova tindaħal f’din l-elezzjoni tal-istudenti Universitarji. Minbarra dan l-artiklu mimli ineżattezzi, fil-ġimgħa li għaddiet il-kandidat tal-għaqda Pulse għall-kariga ta’ President kien mistieden fuq l-istazzjon One waqt il-programm politiku ta’ Karl Stagno Navarra li fuqu sar appell biex fl-elezzjoni tal-Univerista’ l-istudenti jivvutaw “lill-kandidati kollha tal-Pulse”:

Ftit wara din ix-xandira ta’ One News, numru kbir ta’ membri tal-Pulse ċaħdu r-rabta mal-Partit Laburista – minkejja li dak il-ħin stess fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, il-kandidat President tal-Pulse ma għamel l-ebda dikjarazzjoni ta’ dan it-tip anzi kompla bil-propaganda tal-Pulse fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista. Issa lejliet l-elezzjoni fl-Universita’, il-media tal-Partit Laburista ippubblikat dan l-artiklu. B’hekk waqgħat il-maskla ta’ min u kif qed jindaħal fl-elezzjoni tal-Universita’.