Lokali

‘Joseph Muscat għandu jieħu azzjoni’ – Adrian Delia, Kap tal-PN

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jieħu azzjoni għaliex kull ġurnata li tgħaddi tfisser biss iżjed ħsara fil-konfront ta’ pajjiżna.

Adrian Delia kien qed jikkumenta dwar sensiela ta’ stejjer żvelati minn minn grupp ta’ ġurnalisti internazzjonali bħala parti mill-proġett ‘Forbidden Stories’.

Fost l-oħrajn huma kixfu informazzjoni ġdida dwar l-eqreb nies tal-Prim Ministru, fosthom il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri.

Il-kummenti ta’ Adrian Delia li jaslu l-għada li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħarab milli jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar dan.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Chris Cardona, akkużat mill-ġurnalisti internazzjonali li ltaqa’ mal-akkużati tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, akkuża lill-istess ġurnalisti li wettqu frame up fil-konfront tiegħu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wissa li pajjiżi oħra lesti biex jaħtfu kull opportunità u jagħmlu l-ħsara lil pajjiżna.

Hu għalhekk li l-Prim Ministru jrid jaġixxi biex jipprevjeni li din il-ħsara tħalli effett negattiv fuq uliedna.