Futbol Sport

Real Madrid jagħmlu pass importanti lejn finali oħra

Il-plejers ta' Real Madrid jifirħu wara l-gowl ta' Asensio (Ritratt: EPA)

Real Madrid, 12-il darba champions tal-ewropa u rebbieħa tal-aħħar żewġ edizzjonijiet, għamlu pass ferm importanti lejn finali oħra meta fi Munich għelbu lil Bayern Munich 2-1 fl-ewwel leg tas-semifinali tal-UEFA Champions League.

Dan hu riżultat mill-iktar importanti għat-tim immexxi minn Zinedine Zidane, li wara li għadda kontra Juventus fil-kwarti tal-finali, urew li għandhom l-aqwa forza fl-ewropa.

Bayern kellhom bidu tajjeb anki jekk tilfu lil Robben wara tmien minuti. Minkejja dan kien Joshua Kimmich li għeleb lil Navas minn qagħda angolata wara ġirja tajba fuq il-lemin. Iżda qabel l-intervall Marcelo skorja l-gowl tad-draw b’xutt sabiħ fil-baxx minn tarf il-kaxxa.

Tnax-il minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima Bayern tilfu ballun fil-midfield u b’azzjoni bejn Lucas Vazquez u Asensio, kien dan tal-aħħar li skorja b’xutt sabiħ. Bayern issa kienu taħt xokk u r-reazzjoni tagħhom kienet waħda fjakka u konfuża u d-difiża ta’ Real ikkontrollat dan il-vantaġġ sat-tmiem fejn sitt ijiem oħra fil-Bernabeu m’għandhomx ifallu.