Sport

Tom Saintfiet jiċħad li applika biex imexxi lill-Kamerun waqt li taħt kuntratt ma’ Malta

Tom Saintfiet jidher li diġa' għandu pjanijiet oħra minflok imexxi lil Malta

Il-kowċ attwali tat-tim nazzjonali Malti Tom Saintfiet ċaħad li hu wieħed minn 77 kowċ minn madwar id-dinja li applikaw biex imexxu lit-tim nazzjonali tal-Kamerun.

Saintfiet ċaħad ukoll li ta xi struzzjoni lil xi aġent biex japplika f’ismu filwaqt li għamilha ċara li m’għandu l-ebda intenzjoni li jħalli postu fit-tmexxija tat-tim nazzjonali Malti.

Il-lista kienet żvelata minn sors ta’ BBC Sport li jaħdem fi ħdan il-Federazzjoni tal-Futbol tal-Kamerun (Fecafoot), bl-istess sit rinomat Ingliż jiddikjara li l-post ta’ kowċ nazzjonali tal-pajjiż Afrikan ġie vakant fi Frar wara li ntemm il-kuntratt tal-kowċ Hugo Broos.

Saintfiet kien maħtur kowċ ta’ Malta minflok Pietro Ghedin fil-11 ta’ Ottubru tal-2017. S’issa mhux magħruf x’se tkun ir-reazzjoni tal-MFA għal dak li ġie żvelat.

Il-ġurnalist tal-BBC iżomm mal-istorja: “L-istorja hi verifikata minn diversi sorsi”

Fid-dawl ta’ din iċ-ċaħda, ġurnalisti tal-programm sportiv ta’ Net Television, Replay, għamlu kuntatt mal-ġurnalist ta’ BBC, Oluwashina Okeleji, li kkonfermalna mill-ġdid li l-lista ġejja minn sors fi ħdan il-Federazzjoni tal-Futbol tal-Kamerun u kkorroborata minn sorsi oħra.

F’messaġġi privati, Saintfiet iddikjara wkoll li ismu jidher f’din il-lista għaliex fl-2016 kien applika biex imexxi lil dan il-pajjiż. Filfatt dakinhar Saintfiet kien kowċ tat-Togo meta għamel eżatt l-istess: applika biex imexxi tim nazzjonali ieħor minkejja li kien marbut b’kuntratt.

Mhux hekk biss iżda Replay kompla bir-riċerka tiegħu, b’artikli fis-sit Afrique Education(ritratt) u siti oħra li wkoll jikkonfermaw l-applikazzjoni ta’ Tom Saintfiet. Dan l-artiklu jgħid ukoll li l-Federazzjoni tal-Kamerun irċeviet dawn l-applikazzjonijiet “sal-aħħar ta’ Marzu li għadda.”

Dan ifisser li l-lista hi attwali, u mhux tal-2016, kif qed jgħid Saintfiet, li ismu jidher fil-lista għax applika għal din il-pożizzjoni fil-passat.

Fil-passat, meta ġraw każi simili bħal dak l-2015 meta l-kowċ tan-Niġerja Stephen Keshi applika biex imexxi lill-Kosta tal-Ivorju, skattaw investigazzjonijiet.

RITRATT: Immarkat bl-aħmar, wieħed isib li l-artiklu ġie ppubblikat jumejn ilu, u jindika ċar li s-77 applikazzjoni, inkluża ta’ Saintfiet, daħlu sa tmiem Marzu. Dan imur kontra ċ-ċaħda ta’ Saintfiet, li qal li applika fl-2016.

FUTBOL LOKALI: Saintfiet applika biex imexxi lill-Kamerun waqt li għadu qed imexxi lil Malta