Futbol Sport

Tom Saintfiet m’għadux iktar kowċ tat-tim nazzjonali Malti!

Tom Saintfiet

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol ħabbret li ntemm ħesrem il-kuntratt tal-kowċ nazzjonali Malti Tom Saintfiet.

L-aħbar toħroġ sigħat wara li Replay (Net Television) kien l-ewwel f’pajjiżna li żvela isem Saintfiet fost lista ta’ 77 li applikaw għall-pożizzjoni ta’ kowċ tal-Kamerun.

Din l-aħbar kienet żvelata l-ewwel minn BBC fejn żvela uħud mill-ismijiet li applikaw, fosthom tal-istess Saintfiet. Replay kien pront li jaqbad din l-istorja u bdejna nistħarrġu kif u għaliex kien hemm l-isem ta’ Saintfiet meta dan għadu kif inħatar kowċ ta’ Malta lejn l-aħħar tal-2017.

Saintfiet ċaħad li hu personali kien applika. Din il-paġna għamlet kuntatt mal-ġurnalist tal-BBC li ħadem fuq din l-istorja. Hu kkofnerma li l-lista ġejja mill-Federazzjoni tal-Kamerun u korroborata minn sorsi oħra.

Minkejja li l-istorja ħarġet fuq BBC fl-aħħar jiem, jidher li kien ilbieraħ filgħaxija, wara r-rapport ta’ Replay, li fl-MFA beda moviment biex tittieħed azzjoni fil-konfront ta’ Saintfiet, li ssejjaħ għal laqgħa fl-aħħar sigħat.