Jintlaqgħu emendi ta’ Zammit Dimech għar-rapport dwar l-iscoreboard tal-ġustizzja fl-UE
“L-istati membri għandhom jassiguraw li s-sistemi ġudizzjarji tagħhom ikunu effiċjenti, indipendenti u imparzjali”. L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan wara li l-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Legali approva rapport dwar l-iscoreboard tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ġustizzja. Din l-iscoreboard hija għodda li tqabbel sistemi ġudizzjarji fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-indipendenza, l-kwalità u l-effiċjenza. L-iskop ta’ din l-għodda huwa li l-Unjoni Ewropea timxi aktar lejn sistemi tal-ġustizzja effettivi.
B’differenza mis-snin ta’ qabel, l-iscoreboard tal-ġustizzja għas-sena 2017 tħares ukoll lejn id-dewmien fil-proċeduri tal-Qrati Kriminali madwar l-Ewropa marbuta mal-ħasil tal-flus. F’Malta, deċiżjoni minn Qorti tal-Maġistrati biex issir inkjesta dwar numru ta’ persuni msemmija fid-dokumenti tal-Panama Papers – fosthom politiċi ewlenin u oħrajn qrib ħafna tagħhom li allegatament qed jiffaċilitaw il-ħasil tal-flus – għadha ma bdietx issir. U dan peress li d-deċiżjoni li ssir inkjesta ġiet appellata minn dawk li qed jiġu akkużati bil-ħasil tal-flus. Dan kollu filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kien kostrett li jieħu azzjoni fil-Qrati Kostituzzjonali biex jassigura li l-appell jinstema’ minn Maġistrat imparzjali.
L-MEP Francis Zammit Dimech fakkar li biex sistema tal-ġustizzja tkun effettiva, jeħtieġ li fuq kollox tkun indipendenti, partikolarment minħabba l-fatt li l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja hija parti integrali mid-demokrazija tal-pajjiż. “Il-qasam ġudizzjarju m’għandux ikun suġġett ta’ manipulazzjoni politika”, qal Zammit Dimech waqt li rrefera għall-mod kif il-Gvern ħatar numru ta’ membri tal-ġudikatura li għandhom rabtiet mill-qrib mal-Gvern. “Dan jista’ jkollu impatt fuq il-fiduċja li n-nies għandu jkollhom fl-indipendenza tal-ġudikatura”, żied jgħid Zammit Dimech.
Zammit Dimech innota wkoll id-dewmien fil-proċeduri tal-Qrati, bl-MEP jfakkar li ma jistax ikun hemm ġustizzja u ċertezza legali jekk il-każijiet ma jinqatgħux fi żmien raġjonevoli. Żied jgħid li l-ammont qawwi ta’ każijiet b’lura jista’ jnaqqas il-fiduċja tal-kumplament tal-Ewropej fis-sistema tal-ġustizzja Maltija.
Sadanittant, qabel ma ġie addottat ir-rapport dwar l-iscoreboard tal-ġustizzja, l-MEP Francis Zammit Dimech ressaq numru ta’ emendi li kollha ddaħħlu fir-rapport finali. Fil-kummenti tiegħu, Zammit Dimech qal li s-saltna tad-dritt u d-demokrazija f’pajjiż tista’ tiġi assigurata biss jekk ikun hemm sistemi tal-ġustizzja ġusti, indipendenti u imparzjali. Hu temm jappella lill-istati membri tal-Unjoni Ewropea biex jinvestu aktar fl-iżvilupp ta’ taħriġ, għarfien u edukazzjoni għal dawk kollha involuti fil-professjonijiet legali permezz anke ta’ skambju ta’ esperjenzi bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>