Il-Forum Intrapriżi Żgħar u Medji fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kkundanna dak li qed jingħad u jinxtered fil-mezzi soċjali minn uffiċjali tal-Gvern kif ukoll minn partitarji tal-Partit Laburista dwar theddid ta’ bojkott fil-konfront ta’ sidien ta’ stabbilimenti u entitajiet kummerċjali differenti.
Il-Forum juri solidarjetà mas-sidien kif ukoll mal-impjegati ta’ dawn l-entitajiet li qed jissemmgħu li jistgħu jiġu mhedda b’bojkott għas-sempliċi raġuni li wrew opinjoni politika differenti.
Għall-Forum, bojkott minħabba opinjoni politika differenti assolutament mhux aċċettabbli. Dan meta fil-passat il-Partit Laburista kien jgħid li tista’ ma taqbilx miegħu iżda tista’ taħdem miegħu. Pajjiżna hu pajjiż demokratiku, fejn kulħadd għandu d-dritt li jaħdem, jagħti servizz kif ukoll juri l-opinjoni tiegħu.
Kull forma ta’ theddid m’għandux isir u dak li sar fuq il-mezzi soċjali għandu jieqaf biex tiġi evitata pressjoni żejda u tensjoni fuq il-komunità kummerċjali, l-ħaddiema u l-familji tagħhom.
//= $special ?>