Lokali

FILMAT: Qatt immaġinajt li tista’ tiekol pittura?

L-arti u l-ikel jiltaqgħu fuq il-mejda... u tista' tiekol l-arti!

Li tmur f’restorant u tiekol pittura minn fuq il-mejda mhix xi ħaġa ta’ kuljum.

Imma bl-għajnuna tal-artist lokali Patrick Scicluna u ta’ Helfred, kok kreattiv mill-Olanda, sid il-ħanut ‘Duo Restaurant’ se jesperimenta b’kunċett ġdid.

Fl-esperiment ‘Art on the Table’, l-artist Patrick Scicluna se juża sauces u ikel differenti biex qabel kull platt joħloq pittura fuq il-mejda… li imbagħad tista’ tittiekel.

“Illum il-ġurnata, l-enfasi fuq l-aspett viżwali tal-ikel huwa mogħti ħafna iktar importanza. Ahna qed nipprovaw nieħduh pass naqra iżjed għax se nagħmlu litteralment biċċa pittura quddiem il-klijenti tagħna biex jaraw dak li jista’ jippreżenta Patrick bħala artist. Min-naħa tagħna, jiena u Helfred inkomplu b’naqra iżjed tiżjin biex nikkumplimentaw il-biċċa tal-arti li jkun għamel Patrick”, qalilna Tonio Micallef, sid ir-restaurant.

Għalkemm anke għal Patrick, l-artist lokali, din l-idea qabditu kurżità, qalilna li m’hemmx differenza wisq mill-pitturi normali li jpinġi.

“Bażikament inzerta li l-istil li nuża jien għall-astratt u xogħlijiet oħra, nista’ nipproduċiha fuq il-mejda wkoll bis-sauces”, qalilna Patrick waqt li spjega l-kunċetti li jieħdu sura waqt li jkun qed joħloq it-tpenġija fuq il-mejda – fosthom il-mod kif il-kuluri jitħaltu.

“Kull esperjenza hija unika fiha nnifisha għax ma tista’ qatt tikkopja biċċa xogħol oħra”, żied jgħid.

Patrick, artist lokali u l-kok kreattiv mill-Olanda Helfred

Għan-nies li jridu jipprovaw dan il-kunċett, din se ssir darba biss – b’menu ta’ erba’ platti b’togħmiet internazzjonali. Forsi għax il-moħħ wara din l-idea huwa Helfred van Malkenhorst, kok mill-Olanda li kiseb esperjenzi fil-qasam kulinarju minn madwar id-dinja.

“Qatt ma naħseb dwar il-limiti. Dejjem naħseb fuq affarijiet ġodda. Nipprova noħloq kunċetti ġodda għax inkella l-ħajja tkun wisq tedjanti”, qalilna Helfred.

‘Art on the Table’ hija biss l-ewwel minn sensiela ta’ kunċetti kreattivi li se jkunu qed isiru f’Duo Restaurant li jinsab il-Qawra.

Tonio Micallef, sid Duo Restaurant