Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-Bank Pilatus hu tebgħa fuq Malta – l-MEP Roberta Metsola

L-uffiċini tal-Pilatus Bank f'Ta' Xbiex

Waqt smigħ fil-Parlament Ewropew li ta ħarsa lejn il-Bank Pilatus, mistoqsijiet li saru mill-MEPs dwar in-nuqqas ta’ investigazzjoni mill-Pulizija Maltija dwar politiċi tal-Gvern, ir-relazzjoni bejn il-Bank Pilatus u persuni esposti politikament, l-familja tal-Gvern tal-Ażerbajġan, il-Prim Ministru Malti, iċ-Chief of Staff tiegħu u l-Ministru Konrad Mizzi, baqgħu mhux imwieġba.

L-MEP Roberta Metsola, f’isem il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, għamlet numru ta’ mistoqsijiet dwar is-sors tal-flus fil-Bank Pilatus, ir-rwol li PEPs mill-Ażerbajġan u Maltin kellhom f’dan il-bank, u mistoqsijiet speċifiċi dwar 17 Black – il-kumpanija li riċentament sar magħruf minn Daphne Project – li rċeviet miljuni ta’ dollari minn individwu mill-Ażerbajġan u fondi marbutin mal-Power Station il-ġdida. “Hu ċar għal kulħadd li l-Bank Pilatus intuża għall-ħasil tal-flus, ilu ċar għal ftit żmien issa, li jew hemm deċizjoni li ttieħdet, jew inkella s-sistema sħiħa se tispiċċa tħallas il-prezz. Hi tebgħa fuq is-settur leġittimu tas-servizz finanzjarji.”

L-MEP Roberta Metsola qalet li “l-azzjonijiet tal-kriminali, l-korrotti u dawk kompliċi fl-ogħla livelli tal-Gvern Malti ma jirrapreżentawx il-poplu Malti u Għawdxi.” Hi insistiet ukoll li “Malta mhix tax haven, u filwaqt li hi kompetittiva, hi wkoll ġusta. Aħna ġġilidna kontra l-pressjoni li saret minħabba s-sistema ta’ infurzar li hi robusta u kull lakuni li seta’ kien hemm ingħalqu, iżda issa għandna sitwazzjoni fejn nies jaħsbu li jistgħu jaġixxu b’impunità bi protezzjoni sħiħa minn kull tip ta’ infurzar.”

Saru mistoqsijiet oħra dwar il-Bank Pilatus mill-MEP Soċjalista Ana Gomes, mill-MEP Liberali Nils Torvalds, mill-MEP tal-Ħodor Molly Scot Cato u mill-MEP tax-Xellug Stelious Kouloglou.