Lokali Qorti

IL-KAŻ TA’ ACAPULCO: Chris Cardona ma jitfaċċax il-Qorti…Pawlu Lia jgħajjat fl-awla

Il-Ministru Cardona ma jitfaċċax il-Qorti fl-ewwel okkażjoni biex jippreżenta l-provi

Fl-ewwel okkażjoni li kellu Chris Cardona sabiex iwieġeb fuq l-istejjer ta’ Acapulco, dalgħodu l-Ministru ma tfaċċax fil-Qorti – u kien preżenti biss l-avukat tiegħu Pawlu Lia.

Fil-Qorti kellhom ikomplu jinstemgħu numru ta’ każijiet ta’ libell li Chris Cardona u sieħbu Joe Gerada fetħu kontra Daphne Caruana Galizia. Kellu jkompli jinstema’ wkoll libell li Chris Cardona fetaħ kontra il-gazzetta In-Nazzjon li kienet investigat dawn l-istejjer bi żjara fil-burdell Acapulco nnifsu. Peress li l-ħames każijiet ta’ libell huma dwar affarijiet identiċi, il-każijiet qed jinstemgħu kollha flimkien.

Is-seduta, iżda, kellha tiġi differita wara li l-avukat Lia infexx jgħajjat fl-awla mar-raġel ta’ Daphne Caruana Galizia, li kien preżenti bħala difiża. Dan hekk kif hu flimkien mat-tfal ta’ Daphne Caruana Galizia, qed ikomplu jiddefendu l-każijiet f’isimha wara li nqatlet f’Ottubru li għadda.

Din ix-xenata kollha saret fil-preżenza tal-ġurnalisti li kienu ħerqana biex fost oħrajn jisimgħu ix-xiehda ta’ Cardona, li f’intervista fuq TimesTalk aktar minn sena ilu kien qal li se jippreżenta l-provi fil-Qorti.

Talba biex it-‘TAP files’ ikunu jgħoddu għall-ħames kawżi ta’ libell

Sena ilu, il-Ministru Cardona kien spiċċa f’nofs kontroversja sħiħa bl-iskandlu ta’ Acapulco wara li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet irrappurtat li l-Ministru kien mar f’dan il-club waqt li kien qiegħed fuq xogħol Ministerjali fil-Ġermanja. Investigazzjoni li kien għamel Net News fil-Ġermanja ukoll kienet waslet biex ikkonfermajna dawn l-allegazzjonijiet minn sors ieħor indipendenti.

Fix-xhur li għaddew, l-avukat Pawlu Lia kien oppona t-talba tad-difiża biex jinżammu dawk li jissejħu ‘TAP files’, jiġifieri ‘data’ mill-mobiles ta’ Chris Cardona u Joe Gerada li juru preċiżament fejn kienu fil-ħinijiet li fihom saru l-allegazzjonijiet.

Sadanittant, l-avukat ta’ In-Nazzjon Joseph Zammit Maempel talab lill-Qorti biex dawn it-TAP files ikunu jgħoddu bħala evidenza għall-każijiet kollha, fosthom għall-każ ta’ libell miftuħ kontra In-Nazzjon. Madanakollu, l-avukat Pawlu Lia talab li jingħata ċans iwieġeb għal din it-talba, f’attentat ieħor biex jitwal iż-żmien.