Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jdaħħal it-tarbija fil-ġuf bħala dixxendent fil-liġi kontra l-vjolenza domestika

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli jew ma fehmitx jew ma tridx tifhem li l-Partit Nazzjonalista huwa kontra l-vjolenza domestika u favur il-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha.

Fi stqarrija ffirmata minn Claudio Grech, kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, s-Solidarjetà Soċjali u l-Pensjonijiet u d-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf kif ukoll minn Stephen Spiteri, kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa, ġie spjegat li kien Gvern Nazzjonalista li lleġiżla l-Att dwar il-Vjolenza Domestika. F’din il-liġi, Gvern Nazzjonalista kien daħħal il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf bħala parti mill-familja.

Bħalma kien qal li se jagħmel, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia żamm kelmtu ta free vote lid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista fuq l-emendi li l-Gvern ta’ Joseph Muscat ressaq għal-liġi tal-Vjolenza Domestika. F’dawn l-emendi l-Gvern ried ineħħi l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf.

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli jew ma fehmitx jew ma tridx tifhem li l-Grupp Parlamentari unanimament qabel li mal-ewwel mitt jum ta’ Gvern Nazzjonalista ġdid se jerġa’ jdaħħal il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf. Dan għaliex jekk għall-Ministru Chris Fearne l-embrijun huwa biss tmien ċelloli għall-Partit Nazzjonalista hija ħajja umana.

Adrian Delia staqsa kemm ‘il darba fil-Parlament għalfejn il-Gvern ta’ Joseph Muscat ried ineħħi l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf mil-liġi tal-Vjolenza Domestika. Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Helena Dalli ma taw ebda raġuni valida għalfejn riedu jneħħu l-kliem li jagħti protezzjoni inekwivoka lit-tarbija fil-ġuf. Flok tinħela fi spin, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli kellha l-ħin kollu disponibbli biex twieġeb għal din il-mistoqsija li għamel Adrian Delia.

Il-Partit Nazzjonalista huwa u dejjem se jibqa’ kontra kull forma ta’ vjolenza domestika, kemm vjolenza fuq in-nisa imma wkoll vjolenza fuq it-tarbija fil-ġuf, li m’għandiex vuċi.