Wara diversi entitajiet u individwi, fosthom eks esponenti tal-Partit Laburista u l-eluf li l-Ħadd li għadda nġabru fil-Belt biex iwasslu messaġġ favur il-ħajja, issa anke l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qed tappella biex il-proċess leġislattiv fl-emendi tal-Liġi dwar l-IVF ikun sospiż u ssir diskussjoni.
Hekk fakkar il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf Claudio Grech, f’kumment lil NET News dwar l-aħħar żviluppi u wara d-diskussjonijiet li diġà nżammu fil-Parlament.
Dan hekk kif il-President Coleiro Preca appellat għal diskussjoni kif xieraq, bis-sehem ta’ dawk kollha nvoluti fis-settur, ħalli tissawwar Liġi li tħares l-interess komuni mingħajr ma titpoġġa f’periklu l-ħajja tal-embrijuni.
Claudio Grech fakkar fil-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista – favur il-ħajja mill-konċepiment sal-mewt naturali.
Sadanittant, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni spjega kif il-Partit Nazzjonalista kien, għadu u jibqa’ kontra l-vjolenza domestika, bi twemmin sħiħ li jipproteġi lil kull membru tal-familja, inkluż lit-tarbija fil-ġuf. Kien għalhekk li fl-2006, Gvern Nazzjonalista daħħal il-Liġi Kontra l-Vjolenza Domestika, b’kuraġġ, viżjoni u sens soċjali.
Min-naħa l-oħra, il-Gvern Laburista għażel li jbiddel id-definizzjoni ta’ xi tfisser familja, tant li l-unika bidla li għamel f’din il-Liġi kienet li neħħa lit-tarbija fil-ġuf minn membru tal-familja. Claudio Grech qal li kull Membru Parlamentari Nazzjonalista għandu l-ispazju li jesprimi ruħu, b’rispett lejn id-demokrazija.
Fi stqarrija dwar dan, flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri, Claudio Grech spjega kif bħalma kien qal li se jagħmel, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia żamm kelmtu u ta free vote lid-Deputati Nazzjonalisti fuq l-emendi mressqa mill-Gvern ta’ Muscat.
Min-naħa l-oħra, il-Grupp Parlamentari qabel unanimament li mal-ewwel 100 jum ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista, jerġa’ jdaħħal il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf għax jekk għall-Gvern Laburista, l-embrijun hu biss tmien ċelloli, għall-Partit Nazzjonalista hi ħajja umana.
Fl-istqarrija ingħad li Adrian Delia staqsa kemm-il darba fil-Parlament għaliex il-Gvern ta’ Muscat ried ineħħi l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf mil-Liġi tal-Vjolenza Domestika.
Madankollu, il-Prim Ministru u l-Ministru Helena Dalli baqgħu ma taw l-ebda raġuni valida għaliex riedu jneħħu l-kliem li jagħti protezzjoni inekwivoka lit-tarbija fil-ġuf.
//= $special ?>