Lokali Qorti

Il-Prim Imħallef il-ġdid irid li tkun indirizzata l-problema tad-dewmien fil-Qorti

Joseph Azzopardi jieħu l-ġurament tal-ħatra tiegħu bħala Prim Imħallef

Il-problema tad-dewmien fil-Qorti kienet waħda mill-affarijiet li tkellem dwarhom il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi ftit wara li nħatar fil-kariga mill-President ta’ Malta.

Iċ-ċeremonja tal-ħatra saret fil-Palazz tal-President il-Belt Valletta biex b’hekk hu ħa post il-Prim Imħallef Emeritus Silvio Camilleri, li kien preżenti għaċ-ċeremonja li fiha x-xettru tat-tmexxija tal-ġudikatura għadda f’idejn il-Prim Imħallef Azzopardi.

Fl-ewwel kummenti tiegħu wara l-ħatra, il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi tkellem dwar id-dewmien fil-Qorti u insista li din it-tema tkun indirizzata bħala priorità fil-ħidma tiegħu.

Appell simili sar mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca li qalet li minkejja li l-kwistjoni tad-dewmien fil-Qrati qed tiġi indirizzata, jeħtieġ li jkun assigurat li s-sistemi proċedurali fil-Qrati ma jintużawx biex ixekklu l-kisba tal-ġustizzja fl-iqsar żmien. Hawnhekk semmiet li dan il-fatt jorbot intrinsikament mal-aċċess għall-ġustizzja bħal fil-każ fejn jidħlu t-tfal u vittmi ta’ vjolenza domestika, fost oħrajn.

Il-President irreferiet għal talbiet li qed isirulha minn nisa li għaddew minn esperjenzi koroh ta’ vjolenza domestika u wara li rnexxielhom isibu l-kuraġġ biex jirrapportaw u jinqatgħu minn din il-ħajja ta’ biża’, iħossu li ċerti sistemi, inkluża l-Qorti minħabba d-dewmien, iġġibhom vittmi għal darb’oħra.

Għall-ħatra tal-Prim Imħallef il-ġdid kien hemm preżenti fost oħrajn il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici li tkellem dwar il-karattru umli tal-Prim Imħallef. Il-Prim Ministru Joseph Muscat, preżenti wkoll għaċ-ċeremonja tal-ħatra, tkellem dwar dak li sejjaħ bħala impenn tiegħu li jiddefendi l-istituzzjonijiet, fosthom dik tal-ġudikatura.

Apparti l-Avukat Ġenerali Peter Grech kien hemm preżenti wkoll il-mara u t-tifla tal-Prim Imħallef Azzopardi.

Joseph Azzopardi twieled l-Isla fl-1955 u llum għandu 63 sena. Fl-1980 beda l-prattika bħala avukat u baqa’ jservi 23 sena, fosthom fil-Kamra tal-Avukati anke bħala President, sakemm fl-2003 nħatar Imħallef tal-Qrati Superjuri ta’ Malta. Sa qabel inħatar Prim Imħallef, Joseph Azzopardi kien imexxi l-Qorti tal-Familja.