Internazzjonali

Imur Iżrael biex jevita s-smigħ dwar il-korruzzjoni

L-aktar politiku b’saħħtu fir-Rumanija evita smigħ dwar il-korruzzjoni billi mar ħesrem lejn Iżrael għal żjara. Liviu Dragnea hu ċ-Chairman tal-Partit Soċjalista fil-Gvern u qed iħabbat wiċċu ma’ diversi akkużi. Hu suppost kellu jmur il-qorti l-Erbgħa. Imma malli fetaħ il-proċess, il-Parlament ħabbar li huwa kien Iżrael fuq stedina tal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu. Il-Prim Ministru Viorica Dancila, l-Erbgħa wkoll bdiet żjara f’Iżrael. Dragnea kien ried ikun Prim Ministru hu, imma minħabba kundanni ta’ korruzzjoni fil-passat ma setax. Imma effettivament hu jikkontrolla l-Gvern. Il-każ il-qorti ta’ issa jikkonċerna intervent tiegħu biex iżomm żewġ nisa impjegati ma’ aġenzija tal-Gvern minkejja li dawn kienu impjegati tal-partit. Issa se jkun hemm smigħ ieħor fil-15 ta’ Mejju.